Il-faqar: Inħarsu ’l quddiem

    Nick Fewings, Unsplash

    Il-faqar huwa assoċjat ma’ tabù.  Dejjem hemm il-biża’ li xi ħadd jaqa’ fiha kif ukoll li xi ħadd jitkellem dwaru. F’Malta ftit li xejn taħseb li l-faqar jeżisti, iżda l-istatistiċi juru mod ieħor.

    L-istatistiċi riċenti tal-Unjoni Ewropea dwar id-dħul finanzjarju u l-mod ta’ għajxien (Income and Living Conditions, EU-SILC) li hu stħarriġ maħruġ ta’ kull sena mill-UE, bi ġbir ta’ informazzjoni fuq id-dħul finanzjarju, il-faqar, l-esklużjoni soċjali, akkomodazzjoni soċjali, edukazzjoni dwar ix-xogħol u s-saħħa, juri li fl-2018, 88,777 persuna kienu f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali. Dan ifisser 20% tal-popolazzjoni. Bħal kull kejl statistiku għal din il-figura hemm lok ta’ interpretazzjoni, iżda din il-figura massiċċa mhix ta’ sorpriża għal min jaħdem direttament, jew indirettament, f’dan is-settur iżda jissorprendi lill-kumplament tal-popolazzjoni, speċjalment ta’ dawk li ma jaqblilhomx jisimgħu dan.

    L-ewwel irridu niddefenixxu x’jiġifieri l-faqar. Hemm żewġ kejl li jiġu użati ta’ sikwit u dan ħa nispjegah matul dan l-artiklu. Dawk li huma f’riskju ta’ faqar (ARP), u dawk li għandhom nuqqasijiet bażiċi, (SMD). L-ARP huwa mfisser bħala dawk in-nies li jkollhom 60%, jew inqas, ta’ dħul disponibbli skont il-medja nazzjonali wara l-ħlasijiet tat-taxxa u bolla. Fi ftit kliem, persuna tkun f’riskju ta’ faqar jekk id-dħul ikun ta’ 60%, jew inqas, tal-paga disponibbli. Minkejja li l-fatt li persuna bi dħul medju ta’ 60% tal-paga jkun meqjus f’riskju ta’ faqar, hu suġġett għad-diskussjoni, wieħed irid jirrikonoxxi l-fatt li nies li għandhom inqas flus fl-idejn b’paragun tal-kumplament, ikollhom jgħixu stil ta’ ħajja kemxejn differenti. B’żieda sinifikanti ta’ prezzijiet, bħall-kera, li żdiedu b’mod qawwi f’dawn l-aħħar snin, dan jista’ jittiekel ħafna minn dak li jifdal fl-idejn għall-infieq. F’Malta, jekk tneħħi l-figuri li huma f’riskju ta’ esklużjoni soċjali ssib li, skont l-EU-SILC fl-2018 78,685 nies kienu f’riskju ta’ faqar.

    L-SMD, mill-banda l-oħra, huwa meqjus bħala n-nuqqas li tista’ tixtri affarijiet meqjusa bħala bżonjużi biex tkun tista’ tgħix ħajja diċenti. Jekk individwu ma jkunx jista’ jaffordja mill-inqas erbgħa mid-disa’ affarijiet li jwasslu għal deprivazzjoni, biex bniedem ikun meqjus bħala deprivat:

    • Ħila li jkollok xi ħlasijiet li jinqala’ taħt ir-riħ
    • Il-ħila li tħallas għal btala ta’ ġimgħa darba fis-sena ‘l bogħod mid-dar
    • Jekk jaqa’ lura fi ħlasijiet ta’ self mill-banek jew ħlas ta’ kera, kontijiet tad-dawl u l-ilma, ħlasijiet bin-nifs jew ħlas ta’ dejn ieħor
    • Il-ħila li tiekol laħam, tiġieġ, ħut jew l-ekwivalenti f’termini veġetarjana mqar darba kull jumejn
    • Il-ħila li żżomm id-dar sħuna b’mod adekwat fix-xitwa
    • Li jkollok magna tal-ħasil li tkun tiegħek
    • Li jkollok fuq ismek televiżjoni tal-kulur
    • Li jkollok fuq ismek it-telefonija, inkluż dak ċellulari
    • Li jkollok karozza fuq ismek

    Fl-2018 kellna 14,246 ruħ li ma setgħux ilaħħqu ma’, jew ikollhom, tal-inqas, erbgħa mil-lista msemmija fuq.

    Informazzjoni miġbura

    Issa nagħtu ħarsa lejn l-informazzjoni miġbura. Naraw li l-ġeneru ma jinfluwenzax l-effett fuq ir-riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali, li anzi dan hu sinjal ta’ suq tax-xogħol b’saħħtu. Madanakollu s-sitwazzjoni tinbidel meta niġu għall-età. Filwaqt li hemm 15.8% li għandhom bejn it-18 u l-64 sena li qegħdin f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali, il-persentaġġ jiżdied għal 26.7% għal dawk li għandhom minn 65 sena ‘l fuq. Minkejja li dan hu mistenni għax il-pensjonant jaqleb minn fuq paga għall-pensjoni, hu importanti li dejjem inżommu f’moħħna li nies ta’ dawk l-etajiet huma f’iktar riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali jekk l-affarijiet essenzjali jogħlew. Biex inżommu kollox f’kuntest, f’Malta, bħal f’kull pajjiż ieħor żviluppat, il-popolazzjoni qed tixjieħ; skont il-Ministeru għall-Finanzi l-popolazzjoni ta’ dawk minn 65 sena ‘l fuq mistenni li jitla’ minn 18% għall-31%. Dan ifisser li hemm il-ħtieġa li iktar nies ta’ etajiet iżgħar jaħdmu, u għaldaqstant jaqilgħu paga, biex jagħmlu tajjeb għal dawk li huma ta’ età tal-pensjoni. Biex negħlbu din l-isfida, jeħtieġ li jkun hemm jew żieda fit-twelid jew inkella żieda f’dik li hija migrazzjoni b’mod nett, inkella reviżjoni tal-età tal-pensjoni b’mod kontinwu. Jekk ma jsir xejn ir-riskju ta’ nies fl-età tal-pensjoni li jaqgħu fil-faqar jiżdied bil-kbir.

    Jekk inħarsu lejn familji b’ġenitur wieħed is-sitwazzjoni hemmhekk hi iktar diffiċli. Numru sostanzjali ta’ 51% tal-familji b’ġenitur wieħed qegħdin f’riskju ta’ faqar jew ta’ esklużjoni soċjali, bil-wisq numru kbir tal-popolazzjoni. Hawn bejn wieħed u ieħor 12,000 ġenitur wieħed li jindukraw xi 18,000 tifel u tifla, ammont li ta’ kull sena jiżdied. Kif inhu mistenni, hu iktar diffiċli tieħu ħsieb familja persuna waħedha milli koppja. Minkejja li kulħadd jgħaddi minn ċirkostanzi differenti mhuwiex l-iskop ta’ dan l-artiklu li nidħol f’dan. Hu importanti li wieħed jinnota li 51% tal-ommijiet bħala ġenitur wieħed qegħdin f’riskju ta’ faqar, din hi sitwazzjoni serja.

    Ma rridux ninsew ukoll id-divorzji u s-separazzjonijiet. Dawn in-nies jesperjenzaw nuqqas ta’ dħul meta jaqilbu minn koppji għall-persuna waħedha speċjalment meta jkun hemm tfal dipendenti fuqhom. Barra minn hekk, dawn l-individwi jkollhom żieda fin-nefqa għax ikollhom jixtru/jikru post li jħallsu għalih separatament. Il-figuri qed juru żieda sostanzjali fuq hekk, filwaqt li ż-żwiġijiet żdiedu b’20% fuq medda ta’ 10 snin (2006-2016) is-separazzjonijiet żdiedu b’64% fuq l-istess perjodu.

    Il-faqar jista’ jitnaqqas drastikament bi ħsieb profond kif ukoll b’policies għaqlin mill-Gvern. Il-karità u l-volontarjat jgħin f’immedjat iżda hemm bżonn ta’ viżjoni fit-tul mill-Gvern. L-ekonomija f’Malta sejra tajjeb iktar milli mistenni, madankollu l-prezzijiet tal-propjetà, kif ukoll il-kirjiet, żdiedu b’rata mgħaġġla, dan qed ikun ta’ piż żejjed fuq il-familji bi dħul baxx. Jekk hemm tagħlima li għandna nieħdu mill-COVID-19, li kien hemm bżonn ta’ fenomenu naturali li jaqta’ parti kbira tal-ekonomija. Tgħallimna li kemm bħala individwi kif ukoll kumpaniji, għandna lkoll infaddlu għall-futur. Dan ma jfissirx li m’għandniex nieħdu gost fil-ħajja, imma għandna nagħtu daqqa t’għajn lejn sitwazzjonijiet li jiġru bla precedent, li jistgħu jbiddlu l-mod ta’ kemm taqla’ kif ukoll tagħti daqqa fuq il-flus.

    Ħadd m’għandu jibża’ jitkellem fuq il-faqar, anzi din hi t-triq ‘il quddiem.