Il-coronavirus

    Smajna ħafna u ma smajna xejn għax ħadd ma jaf il-veru estensjoni tal-problema. U żgur mhux se nkun prużuntuż u niżżattat billi nidħol u niddiskuti ħaġa li ma taqax fil-kamp tiegħi. Però minn dak li qed nisma’ u qed nara ċertament nista’ nnissel xi ħsibijiet li jistgħu jiffurmaw mertu tajjeb għad-diskussjoni.

    Jidher illi dan l-imbierek virus mhux biss qed jinkwieta lilna l-Maltin iżda wkoll lil diversi popli madwar id-dinja kollha. F’diskussjoni li kelli ma’ persuna li tgħix l-Amerika, dan qalli li hemmhekk in-nies ukoll inkwetati b’dak li qed iseħħ u hemm ukoll ċertu ammont ta’ paniku.

    Iżda dan il-paniku hu ġustifikat? Jekk wieħed ipoġġi bilqiegħda u jara l-affarijiet  jinnota li l-influwenza staġjonali li bażikament tkun l-istess f’kull pajjiż, tinfetta ammont ta’ nies fis-sena u anke toqtol ammont ta’ nies fis-sena. L-aktar nies li toqtol l-influwenza staġjonali huma dawk in-nies li jew huma anzjani jew li għal xi raġuni bħal mard ieħor għandhom is-sistema immunitarja tagħhom dgħajfa. Similarment jidher illi l-coronoavirus qed jolqot ħażin lil din il-faxxa ta’ nies ukoll. Min-naħa l-oħra bħalma jiġri fl-influwenza staġjonali fiequ ammont kbir ta’ nies f’perċentwal għoli. Għalhekk bħala persuna lajka nemmen illi għalkemm wieħed għandu joqgħod attent għax il-mard ħadd ma jridu, m’hemmx lok ta’ paniku u ġenn.

    F’dawn l-aħħar snin kellna mard ieħor simili li ħasseb lin-nies iżda li wara li għadda ‘żmienu’ donnu ma baqax daqshekk ta’ nkwiet: kellna is-Sars (li hi tip ta’ coronavirus); kellna l-influwenza tat-tjur; u kellna l-influwenza tal-ħnieżer, li wkoll qatlu xi nies, partikolarment nies vulnerabbli bħal dawk imsemmijin aktar ‘il fuq. Però llum l-awtoritajiet tas-saħħa sabu mezzi kif jindirizzawhom u ma għadhomx daqshekk ta’ ksir il-moħh daqskemm kienu qabel. U konvint li hekk se jiġri fir-rigward ta’ din il-marda.

    Żewġ osservazzjonijiet li joħorġu minn dan kollu hu (1) is-saħħa tal-midja  u (2) l-bniedem kemm kapaċi jinkwieta u jekk hux qed jinkwieta kif u fejn suppost. Dwar is-saħħa tal-midja u l-użu u l-abbuż tagħha hemm mnejn jinkiteb l-akbar ktieb u mhux parti minn blogg. Fil-fatt għandi intenzjoni li ‘l quddiem nikteb f’dan il-blogg dwar is-saħħa tal-midja. Fil-każ odjern kienet il-midja li ppumpjat il-biżgħat ta’ dan il-coronavirus, billi kontinwament ħambqet fuqu u tat rapport kważi wieħed b’wieħed tal-persuni li kienu qed jiġu infettati jew imutu f’kull pajjiż. Pubblikazzjoni kontinwa ta’ ċifri u figuri u tambir kontinwu, bilfors se jħalli impatt u biża’ fuq il-poplu anke jekk tali biża’ ma tkunx daqshekk reali.

    L-ispunt l-ieħor li ridt niġbed joħroġ mir-reazzjoni tal-poplu Malti għal ħsieb tal-inkwiet li seta’ jiġi kkaġunat mill-coronavirus, fejn parti sew mill-poplu mmaġinat lilha nnifisha msakkra ġewwa, ma tistax toħroġ fit-triq għax tagħti jew tlaqqat il-virus. Għalhekk bi preparazzjoni għal din il-biża’ ta’ klawsura ħafna rħewlha lejn is-supermarkets sabiex jixtru ikel u bżonnijiet oħra, fosthom dqiq, ilma, laned tal-preserve, għaġin u toilet paper fost l-oħrajn. Dan juri kemm il-bniedem kapaċi jinkwieta u jinħakem minn paniku fuq affarijiet li forsi ma jkunux daqshekk biżgħat reali. Dan iġiegħlek tistaqsi, il-bniedem li qed jinkwieta tant fuq affarijiet bħal dawn min-naħa l-oħra qed jinkwieta fuq affarijiet li suppost verament jinkwieta fuqhom.

    Qed jinkwieta fuq kwistjonijiet ambjentali, fosthom pereżempju t-tniġġis fl-arja, u l-qirda tal-ambjent marittimu?

    Qed jirrealizza li din il-qerda tal-ambjent se tkun ta’ ħsara għal ġenerazzjonijiet futuri?

    Qed jinkwieta dwar dak li qed jieklu l-annimali li nieklu aħna u dwar l-anitbijotiċi li jingħataw dawn l-annimali u li eventwalment jispiċċaw ġo fina?

    Pereżempju l-poplu Malti qed jinkwieta li aħna l-Maltin wieħed mill-aktar popli li qed inrabbu reżistenza għal antibijotiċi kemm minħabba dak li nieħdu aħna direttament kif ukoll minn dak li nieħdu minn l-annimali?

    Ma jinsabx ikkonċernat il-poplu Malti dwar il-pestiċidi li jispiċċaw fuq il-ħxejjex li nieklu?

    Dawn huma biżgħat reali daqs jew iżjed mill-coronavirus, għaliex huma magħna realment u ilhom magħna żmien, u ilhom imarrdu nies żmien. Jista’ jkun u hawn nerġa’ mmur għall-ewwel punt illi dawn l-affarijiet mhumiex koperti mill-midja u għalhekk ma jkunx hemm impatt f’moħħ il-poplu. Hu x’inhu huma dawn l-affarijiet li għandhom jinkwetawna daqs il-coronavirus u iżjed. Mhux qed ngħid li m’għandniex noqogħdu attenti u nagħmlu kulma nistgħu biex jekk xi darba dan il-virus jidħol f’pajjiżna ma nilqgħulux kif suppost, iżda ċertament hemm ħafna affarijiet oħra fuq xiex ninkwetaw milli naħżnu l-ikel.