Il-borom jinħarqu fil-kċina ta’ San Vinċenz?

    Imma kif jista’ jkun? Imma kif kollox qed jiġi aċċettat qisu xejn mhu xejn? Kos, jidher li hawn min hu fil-politika għal raġunijiet ulterjuri?…Kont bqajt nehwden bil-ħsieb. Ninsab id-dar fil-kċina nsajjar.

    Ili naf insajjar minn meta kelli 12-il sena. Ommi għallmitni nixtri, insajjar u fuq kollox naħsel wara li nkun qlajt il-borom u t-taġnijiet, u ħammiġt. Meta l-iskawts għarfu li jien kelli din il-ġibda għat-tisjir, malajr laħquni u tawni t-titlu: ‘ll-kok tal-kamp’. B’hekk tgħallimt insajjar għal ħafna nies f’daqqa. Meta nħares lura, naf li sajjart għal mijiet ta’ nies… u ferraħt lil bosta b’ikliet li kienu għal qalbhom. L-aktar li nħobb insajjar hu ikel Malti. U la naf insajjar, oqogħdu fuq kliemi li żaqqieq ukoll. Nista’ ngħid b’wiċċi minn quddiem li borom ftit li xejn ħraqt. ‘Eh dik l-imniefaħ midja’ għedt bejni u bejn ruħi, x’ħin ftakart dwar hekk.

    Hawn ċertu stazzjonijiet jew gazzetti li għandhom il-ħila jaħbu l-fatti, iżejnu l-aħbar, jaqbdu ma nitfa ta’ kumment, u joħolqu ġrajja b’anglu differenti u sensazzjonali. Hekk ġara ftit tal-ġimgħat ilu, meta kont qed ngħalli borma patata. Waħda minnhom, li kienet fil-wiċċ, ixxawtet mal-ġenb tal-borma għax ixxotta xi ftit mill-ilma. U billi dan kollu ġara waqt konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Demokratiku li kienet qed isseħħ fil-bitħa tad-dar, xi wħud mill-mezzi tax-xandir immanipulaw l-aħbar u dgħajfu l-messaġġ li ridna nwasslu.

    Qegħdin ngħixu fi żmien meta l-mezzi tax-xandir mhux dejjem jagħtu ċans liċ-ċittadin jifforma fehmtu u jħalluh jasal għal konklużjoni tiegħu. Donnha teżisti tiġrija min se joħroġ l-aħbar l-ewwel. Issib ukoll ġurnalisti li jonqsu jirrappurtaw il-fatti tal-aħbar għax hekk jaqbel, u jbellgħu bl-imgħarfa dak li jridu jwasslu fl-interess tagħhom lis-semmiegħ, qarrej jew telespettatur.

    L-ikel kien sar. Issa jmiss li nlesti l-mejda. It-tisjir, bħal ħidma fil-ġnien, hu mod kif nirrilassa, nirrifletti u nindirizza l-linja tal-ħsieb u nifformola fehmti. Il-kuntratt li jitlob rigal minn min rebaħ offerta tal-kċina tad-Dar u Sptar ta’ San Vinċenz jidher li hu rigal li l-poplu Malti se jagħti lil min rebaħ l-offerta, u mhux bil-maqlub. Dik manipulazzjoni. Tħares lejn il-figura ta’ kwart ta’ biljun tibqa’ ċċassat. Tħares lejn il-mod kif inbidlet l-għotja ta’ xiri minn binja għal 200 sodda għal 504 tibqa’ mbellah. Maħduma bizilla. Fejn hi t-trasparenza u l-kontabbiltà? Imma kif minn kuntratt li jforni l-ikel spiċċa wieħed li jagħti servizz ta’ kura lix-xjuħ tagħna?

    Tgħid fil-kċina ta’ San Vinċenz jinħarqu borom? Jew forsi, se jispiċċaw ilaqqtu qiegħ il-borma ukoll? Flus il-poplu Malti miġbura mit-taxxi u l-bejgħ tal-assi ‘tagħna lkoll ‘, ma għandhomx jinħarqu, għax il-qiegħ faċli nsibuh. Hawn min ħalla ħofra, imma jidher li hawn min se jħalli barriera. Min jaf x’inhi r-raġuni? Ħarist lejn id-dejn li Malta għandha llum. Titnixxef. ‘Il fuq minn €6.5 biljun. Kif se nħallsuh dan id-dejn?

    Imma li jiskantani hu li jidher li llum għandna oppożizjoni PN immexxi b’ mod li tilaq lill-Gvern u forsi wkoll, tlaqqat il-platt qabel ma jinħasel. ‘A new way‘.

    Min iħawwad il-borma jkun jaf x’fiha. U xi darba ż-żejt jitla’ f’wiċċ l-ilma, u l-kotra tqum.

    Għalija, l-interessi ta’ Malta u l-poplu Malti jibqgħu l-ewwel u qabel kollox.