Il-bexx kimiku, is-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent – 2

    Kif rajna fl-ewwel parti, il-kimika glyphosate qed tintuża dejjem aktar kemm biex toqtol ħaxix li huwa meqjus ‘ħażin’ u kif jingħad ukoll biex ikun hawn aktar ikel biżżejjed għan-nies! Wieħed mill-prodotti li fih din il-kimika u li jintuża madwar id-dinja kollha huwa r-Roundup. Rajna wkoll studji internazzjonali li saru dwar l-impatt ta’ din il-kimika fuq is-saħħa tan-nies u tal-ambjent.
    Fl-imsaren il-bniedem għandu miljuni u miljuni ta’ organiżmi mikroskopiċi ħajjin (batterja). Dawn jgħinu biex iżommu l-ġisem tagħna b’saħħtu, u fost oħrajn, biex mill-ikel li jiekol il-ġisem jieħu nutrienti u vitamini meħtieġa, kif ukoll biex iżommu u jwaqqfu l-batterji oħra milli jagħmlulhom ħsara. Instab li l-glyphosate ikisser dan il-bilanċ bejn il-batterji tajba u dawk ħżiena fl-imsaren tat-tjur.   
    Naraw illum kif din il-kimika glyphosate, skont studji li saru u li ġew ippublikati fil- Journal of interdisciplinary toxicology, jista’ wkoll iwassal għall-marda seliak.
    Il-marda tas-seliak hija marbuta ma’ dan l-iżbilanċ ta’ dawn il-batterji fl-imsaren. Dawk li jbagħtu minn din il-marda tas-seliak huma aktar faċli li jkollhom il-kankru taċ-ċelluli bojod tad-demm, u jistgħu jsofru minn infertilità, korriment, u wlied immankati. Dan b’xi mod huwa marbut ma’ din il-kimika. Sintomi oħra huma diareja, ħmura fil-ġilda, depressjoni u ħedla, kollha marbuta ma’ xi nuqqasijiet fl-ikel. Problemi fil-kliewi qed jiżdiedu ukoll fuq skala dinjija, u anki dawn huma marbuta mal-marda tal-seliak.
    Dan l-istudju jagħti ’l wieħed x’jifhem li l-glyphosate li jistab fir-Roundup jista’ qiegħed iwassal għal dan.
    Ta’ min wieħed jistaqsi x’qed isir f’pajjiżna f’dan il-qasam. Nafu li dan ir-Roundup jintuża kemm minn individwi kif ukoll minn entitajiet uffiċjali mħallsa kemm mill-gvern ċentrali kif ukoll minn gvernijiet lokali. Wieħed ma jistax jgħid li l-istudji li saru barra minn Malta ma japplikawx għall-pajjiżna wkoll.
    Ta’ spiss wieħed jara nies bil-maskra għaddejjin ibexxu kimika fit-toroq, fuq il-bankini, madwar is-siġar, fl-għelieqi, insomma kull fejn tikber xi ħaxixa li hija meqjusa bħala ħażina. Wieħed jara wkoll medded maħruqa kannella wara li dawn jiġu mbexxa minn din il-kimika. Ta’ spiss ngħaddi minn numru ta’ toroq fejn jidher dan it-tapit kannella ta’ ħaxix li safa mbexx biex jinqered il-ħaxix u fjuri slavaġġ.
    Postijiet li jiġu f’moħħi mill-ewwel huma d-daħla għall-ajruport, li tisfa’ mbexxa sena wara sena, u anki l-medda f’nofs it-triq l-Imrieħel. Darba hawn kienu jikbru u kien ikun hemm tapit ta’ leblieb tar-raba’ u ieħor ta’ ħubbejża tar-raba’ li tant kienu jkunu sbieħ. Illum tara tapit kannella ta’ ħaxix maħruq u dawn il-fjuri ma jikbrux aktar. Minbarra li qed jinqerdu dawn il-fjuri slavaġġ, dan qed iwassal ukoll biex anki n-naħal li jirgħu fuq dawn il-fjuri biex jagħmlu l-għasel ukoll qed isofru u jinqerdu. U mgħandniex xi ngħidu annimali oħra li jieklu l-insetti mċappsa bil-kimika, bħal għasafar u anki rettili wkoll fl-aħħar jinqerda.
    Dan ix-xogħol isir, fost oħrajn, mis-sieħeb kummerċjali privat tal-gvern li jingħata €8 miljun fis-sena biex ‘isebbaħ’ ’l-Malta.
    Xogħol ieħor bħal dan isir minn xi Kunsilli Lokali li jqabbdu wkoll xi kuntratturi biex ibixxu fir-raħal jew belt tagħhom u li jużaw prodott li fih din il-kimika. U hekk naraw ukoll nies bil-maskra ibexxu bankini, passaġġi, madwar siġar, insomma kull fejn tikber xi ħaxixa li hija meqjusa ħażina fil-konfini tagħhom.  
    Dan il-prodott jintuża wkoll fil-qasam tal-agrikoltura b’impatt negattiv ukoll fuq in-naħal u l-industrija tal-għasel, u fuq annimali oħra li jieklu l-insetti milquta.
    Kemm għaqdiet mhux governattivi, kif ukoll individwi u anki jien, ktibna u tkellimna kemm-il darba dwar din il-ħela ta’ flus pubbliċi b’dan il-bexx, li huwa ta’ ħsara kemm għas-saħħa tal-poplu kif ukoll għall-biodiversità. Minkejja wkoll li anki mort ma’ oħrajn inkellmu lill-uffiċjali ta’ entitajiet governattivi responsabbli, dan il-bexx kien isir u għadu jsir. Ir-risposta li ngħatatilna mill-entitajiet kienet “mhux jien” u sfajna mibgħutin minn Qajfas għand Pilatu. Ħadd mhu responsabbli u ħadd ma jaf minn hu responsabbli! Ma ttieħdet l-ebda azzjoni biex tindirizza t-trażżin ta’ dan l-aġir. Wieħed ma jistax ma jgħidx u ma jaħsebx li hemm aktar interess biex dan il-bexx kimiku bl-impatti negattivi fuq is-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent ikompli jsir, milli hemm xi rieda biex dan jitwaqqaf fl-interess ta’ saħħet il-poplu u tal-ambjent.
    Wieħed jistenna lill-Ministru li huwa responsabbli mill-Landscaping minn fejn jitħallas l-użu ta’ dan il-bexx; lis-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-agrikultura fejn jintuża dan il-bexx; lis-Segretarju Parlamentary li huwa responsabbli mill-Kunsilli Lokali li jħallsu biex jintuża dan il-bexx; u lis-Segretarju Parlamentari li huwa responsabbli mis-saħħa tal-poplu li qed isofri minn konsegwenzi ta’ dan il-bexx; mis-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-MEPA li hija responsabbli mill-ambjent naturali (il-biodiversità), li jieħdu l-passi meħtieġa u urġenti biex jaraw li l-poplu u l-ambjent ma jibqgħux iħallsu kemm finanzjarjament kif ukoll fiżikament biex jaqdu lil dawk li jridu jibqgħu jużaw din il-kimika.  
    Imma, ma niskanta xejn jekk ikun hemm xi politiku intelleġenti aktar milli naħseb, li jgħidilna li kemm-il poplu kif ukoll l-ambejnt iridu jħallsu xi ħaġa, anki b’saħħithom, biex ma jwaqqfux il-progress u ma jintilfux l-impiegi. U wara kollox il-kura fl-isptarijiet mhix b’xejn?!
    Nafu kif dan il-pajjiż jitmexxa politikament. Nistennew il-bajtra taqa’ u mbagħad nagħmlu studju biex naraw għaliex din waqgħet. U jekk l-istudju ma jogħġobniex, nerġgħu nagħmlu studju ieħor. Sadanittant il-bajtar ikompli jaqa’.
    U hekk is-saħħa tal-poplu u tal-ambjent jibqgħu jmorru lura waqt li l-kimika tkompli tintbexx, sakemm…

    Alfred E Baldacchino
    Ikkwalifikat fl­-Ippjanar u l-­Immaniġġar tal­-Ambjent

    aebaldacchino@gmail.com
    alfredbaldacchino.wordpress.com