Il-benefiċċju tal-isports fuq is-saħħa

    Ilna nafu kemm l-isport jeffettwa b’mod pożittiv is-saħħa tal-bniedem. Riċerka fuq dan kienet ippublikata fis-snin ħamsin. Imma fit-tmeninijiet u fid-disgħinijiet ħarġet informazzjoni aktar ċara u qawwija u ma ħalliet ebda dubju. L-evidenza fuq kemm jeffettwa pożittivament is-saħħa tal-bniedem hija kbira ħafna. L-effetti diretti li jħalli l-eżerċizzju fuq il-ġisem tal-bniedem jgħin sabiex jevita problemi li jwasslu għall-mard kroniku bħall-mard tal-qalb, id-dijabete, tipi differenti ta’ kanċer, pressjoni għolja, ħxuna żejda, dipressjoni u anke effett fuq l-għadam bħal ma hi li jgħin sabiex innaqqas l-osteoporożi.
    L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa tistma li minn kull erba’ pazjenti li jmorru jfiċċu xi servizz tas-saħħa nġenerali għandhom ukoll jew problemi ta’ saħħa mentali jew problemi newroloġiċi (diffikultajiet tas-sistema ċentral tal-moħħ, eżempji jinkludu l-epilessija u l-Parkinson’s disease fost oħrajn) imma li ta’ dawn la għandhom dijanjosi diretta ta’ din il-marda u inqas u inqas qed jieħdu kura għaliha. Studji wrew li l-eżerċizzju għandu effett terapewtiku f’dawn is-sitwazzjonijiet ukoll.
    L-eżerċizzju jgħin biex jindirizza ċertu problemi fiżiċi u allura jkollu effett dirett fuq kif il-persuna tħares lejha nnifisha u tħossha dwarha nnifisha. Hekk kif titjieb  is-self image, titjieb ukoll l-istima lejna nnfusna. Minn barra dan, il-parteċipazzjoni fl-isport tlaqqa n-nies ma persuni oħra u / jew għaqdiet u b’hekk persuna jtejjeb il-ħiliet soċjali tiegħu. Dan kollu jibbenefika minnu kemm l-individwu kif ukoll il-kommunita fis-sens wiesa’ tal-kelma.
    Imma l-isport waħdu ma jagħmilx l-impossibbli. Important li l-isport ikun parti minn deċiżjoni ta’ stil ta’ ħajja tajba fejn dak li nieklu u nagħmlu ikun kollu bi ħsieb u b’għażla pożittiva għall-ħajja aħjar u aktar b’saħħitha. Dan kollu jiddependi mill-għażliet li nagħmlu aħna għalina nnfusna. Imma l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa tiġbed ukoll l-attenzjoni u tindika d-dmir li għandu l-Istat lejn is-saħħa taċ-ċittadini tiegħu ukoll. F’dan ir-rigward, huwa meħtieġ li minn barra li nedukaw lill-poplu kif l-aħjar jieħu ħsieb saħtu, noħolqulu spazji adattati sabiex ikun jista jipparteċipa fl-isport u jirrikreha ruħu.
    Kull kommunita irid ikollha dawn l-ispazji u jkunu disponibbli għall-kommunita kollha, jekk jista jkun il-ħin kollu. Għandna spazji f’kulleġġi li ta’ kuljum jilqgħu fihom il-kommunita tal-madwar u b’hekk minnbarra li qed isir użu aħjar minn dawn l-ispazji, qed ‘jedukaw’ ferm aktar il-kommunita tagħhom. Fejn din l-idea għadha mhix ir-regola, jeħtieġ li hawn ukoll jinfetaħ l-ispazju eżistenti sabiex l-isport isir aktar parti ntegrali mill-ħajja ta’ kuljum.
    L-isport kapaċi jkollu effett pożittiv u qawwi fuq il-ħajja tan-nies. Huwa mezz ta’ kif inbedu minna mard kroniku u fl-istess ħin nkunu qed nieħdu gost u niddevertu. L-isport m’għandux eta u kulħadd għandu jsib l-isport li hu adattat għalih u imbagħad jisfida lilu nnifsu biex jagħmel pass aktar minn dak li kien ħaseb li hu kapaċi jagħmel. L-isfida hija magħna nnfusna … mhux jekk hux se naslu qabel xi ħadd ieħor imma jekk hux se naslu aktar milli ħsibna li nistgħu qatt naslu.
    Li tgħid li int sportiv għax tara l-isport fuq it-television mhux parti minn din id-diskussjoni…

    Sina Bugeja hija Kap Eżekuttiv – Proġetti Speċjali fil-Ministeru tas-Saħħa