Il-barranin f’Malta

    Il-Kap tal-Oppożizzjoni qed ikun irresponsabbli ħafna meta jitkellem fuq il-barranin f’Malta b’mod negattiv billi jipprova jpinġi stampa fittizja ta’ sitwazzjoni fejn l-ekonomija tagħna tiddependi fuq kemm nimportaw ħaddiema barranin fil-pajjiż. Dak li qed jgħid Dr Adrian Delia huwa assolutament invenzjoni għaliex l-ekonomija ta’ Malta qed tikber u ssir dejjem aktar b’saħħitha għax Malta huwa pajjiż politikament stabbli bi gvern bil-għaqal u li għalhekk jiġbed lejh sew l-investiment barrani kif ukoll dak lokali tas-settur privat. Kollox imbagħad jistrieħ fuq il-bżulija tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin.

    Delia dwar il-barranin f’Malta

    Wara kollox, tajjeb infakkru wkoll li din li nippruvaw inbeżżgħu b’invażjoni ta’ ħaddiema barranin hija vera banalità. Dan għaliex kulmin għandu l-iċken ħjiel tal-istorja ta’ Malta jaf li dan il-pajjiż minn dejjem kien mimli barranin u li dawn jgħinu biex ikun hawn il-prosperità fil-pajjiż. Jekk it-tfal tiegħek għadhom żgħażagħ, ftakar li Malta għandha popolazzjoni fejn in-nies qed jgħixu aktar u fejn ir-rata tat-twelid hija waħda baxxa. Mela kieku ma jkunux it-taxxi li jħallsu l-barranin li jgħixu f’pajjiżna u l-flus li jonfqu, kieku fi ftit snin oħra l-pensjonijiet ma jkunux aktar sostenibbli u ż-żgħażagħ tal-lum, li huma l-anzjani ta’ għada, isibu problema kbira ma’ wiċċhom meta jirtiraw.

    Anke fil-qasam stess tax-xogħol, il-ħaddiema barranin huma meħtieġa għaliex ħafna employers mhumiex isibu biżżejjed ħaddiema għall-kumpaniji tagħhom minħabba t-tkabbir ekonomiku u bla preċedent li pajjiżna għaddej minnu. U hawn ta’ min isemmi wkoll li bħala poplu qed ingawdu mis-servizzi ta’ ħafna barranin li huma speċjalizzati f’oqsma fejn hemm bżonn kbir tal-ħiliet tagħhom bħalma hu l-qasam tas-saħħa.

    Jekk imbagħad induru għal dawk il-barranin li jitolbu kenn u ażil f’pajjiżna, infakkar lil kulħadd li Malta dejjem kellha isem tajjeb bħala pajjiż ospitabbli ħafna. Isem tajjeb li jmur lura għal żmien San Pawl meta ilqajnih f’artna wara l-għarqa. Għaliex issa għandna nibdew intappnu dan l-isem tajjeb minħabba min hu razzist?

    Pajjiżna dejjem stagħna bil-barranin. Fl-iktar żmien meta konna wieħed miċ-ċentri tal-kultura Ewropea, fi żmien il-Kavallieri tal-Ordni ta’ San Ġwann, Malta kienet mimlija kavallieri barranin b’numru kbir ta’ sefturi u qaddejja li wkoll kienu barranin. Fi żmien l-Ingliżi, ħafna Maltin kienu jaqilgħu x’jieklu magħhom: min mal-qawwiet militari, min fit-tarzna, min fis-servizzi tal-port, eċċ. U ħadd ma kien igorr għaliex kien ikun hawn ħafna barranin fil-pajjiż għax kulħadd kien jifhem li aktar ma jkun hawn barranin, aktar l-ekonomija lokali tmur tajjeb u aktar igawdu l-Maltin. Każ klassiku kien dak tal-Gwerra tal-Krimeja ta’ nofs is-seklu dsatax meta Malta kienet mimlija suldati u baħrin u n-nies tas-sengħa Maltin u dawk li kienu jipprovdu s-servizzi fil-Port il-Kbir għamlu kemxa ġmielha.

    Tajjeb li niftakru wkoll illi anke jekk nilqgħu f’pajjiżna bniedem barrani li jiġi b’ta’ fuqu senduqu, ukoll inkunu qed ingawdu xi ħaġa għaliex it-taħlit ma’ kulturi differenti huwa ta’ ġid għall-kultura tagħna għaliex issir dejjem aktar wiesgħa u addattata għal kul stil ta’ ħajja u tradizzjonijiet differenti.

    Naturalment, min-naħa tagħna l-Maltin nistennew li min jiġi f’pajjiżna jirrispetta l-liġijiet u l-użanzi tagħna. Jagħmel ħażin min jipprova jiddefendi lil min ikasbar il-liġijiet tagħna u ma jirrispettax il-kultura, it-tradizzjonijiet u l-użanzi tagħna. Tajjeb ukoll li l-abbużi u l-iżbalji ta’ numru żgħir ta’ barranin ma jwasslux biex nittimbraw lill-barranin kollha f’pajjiżna bħala problema. Abbużi, żbalji, ksur tal-liġijiet, eċċ., isiru minn kulħadd, anke l-Maltin stess.

    Mela ejjew ma nħallux lil min itellifna milli nibqgħu mexjin ‘il quddiem fis-sliem u l-prosperità mal-barranin li jiġu jgħixu f’pajjiżna.