Il-Baġit u l-kritika tiegħu

    Edward-Scicluna-Budget
    Miguela Xuereb

    Iż-żmien jaħrab, u diġà għaddiet ġimgħa mill-qari tal-Baġit għas-sena li ġejja. Ma għandi l-ebda intenzjoni li niddiskuti l-miżuri speċifiċi tal-Baġit.

    Dawk ormai issa qrahom jew semagħhom kulħadd, kif jien ċert li ddiskutihom kulħadd.

    Probabbilment kulħadd iddiskuta dik jew dawk il-miżuri li l-aktar jolqtu lilu.

    Però ma nistax ma nesprimix illi dan il-Baġit ħa b’sorpriża lil kulħadd. Ma rridux ninsew li dan hu Baġit illi ma sarx fiż-żmien meta l-għalqa tal-pajjiż hi mimlija fjuri, iżda sar fi żmien fejn il-pajjiż bħal kważi kull pajjiż ieħor fil-globu hu mgħaffeġ taħt ir-rifsa tal-pandemija. Huwa Baġit li fuq kollox sar fi żmien fejn l-akbar industrija fil-pajjiż, li mhux biss iddawwar ir-rota għal privat iżda ddawwar ir-rota għall-Gvern, u ċioè t-turiżmu hi kważi kompletament mejta. Din l-industrija tiġġenera miljuni f’taxxi diretti u indiretti lill-kaxxa tal-pajjiż.

    Il-kaxxa ta’ pajjiżna hija niexfa wkoll minn taxxi oħra li normalment ikunu qed igelglu fiha. Qed ngħid dan b’referenza għat-taxxi li jidħlu mill-bejgħ u xiri tal-propjetà. Dan għaliex minkejja li jidher illi s-suq tat-trasferimenti tal-propjetà baqa’ għaddej mingħajr ma ntlaqat daqshekk bil-kbir, ma rridux ninsew illi l-Gvern bħala miżura ta’ għajnuna kien diġà naqqas waħda u sew it-taxxi ta’ min ibigħ u ta’ min qed jixtri, fejn naqqas minn 5% għal 1.5% it-taxxa fuq kull xiri ta’ propjetà immobbli (boll) u minn 8 % għal 5% it-taxxa ta’ min ibigħ. Dan ifisser aktar flus fil-but għall-poplu Malti u anqas flus fil-kaxxa tal-gvern.

    Minkejja dan kollu l-Baġit li għadu kemm tħabbar ma żiedx taxxa waħda li hi waħda. Għalija personali fid-dawl ta’ dak li għaddejjin minnu, din il-miżura ta’ non introduzzjoni ta’ taxxa kienet ukoll biżżejjed. Iżda barra minn dan il-Baġit provda numru ta’ inċenitvi oħra, li llum nafu x’inhuma lkoll. Dawn il-benefiċċji li se jħallu ammonti kbar ta’ flus fi bwietna, jinqasmu fi tnejn. Hemm miżuri long term bħal ma jivvota l-Gvern kull sena f’kull Baġit u li jkun intiż għal proġetti kemm infrastrutturali kif ukoll soċjali; kif ukoll miżuri short term li huma intiżi biex itaffu l-piż maħluq mill-pandemija. Iż-żewġ tipi ta’ miżuri jpoġġu piż fuq spallet il-gvern bi spejjeż li jlahħqu miljuni konsiderevoli. Din in-nefqa mingħajr dħul rispettiv hi biss riflessjoni ta’ pajjiż li kellu l-finanzi tiegħu fis-sod, ta’ pajjiż li għalkemm id-daqqa ta’ ħarta weġġgħetu, xorta waħda ma kissritux u ma medditux mal-art.

    Jgħid x’jigħid min irid jikkritika akkost ta’ kollox, din hi l-vera stampa u sitwazzjoni.

    Bħalma dejjem jiġri l-Baġit jattira kull forma ta’ kritika. Kritika li ħafna drabi tkun aktar soġġettiva milli oġġettiva. Soġġettiva jfisser li tkun kritika magħmula skont il-libsa li jkun liebes dak li jkun. Jekk dak li jkun ikun persuna li ntlaqat tajjeb minn xi miżura, tarah ifaħħar, u jekk il-Baġit ma jkunx laqat tant lill-isfera tiegħu, erħilu jmaqdar.

    Baġit tajjeb kemm hu tajjeb ma jista qatt jolqot direttament lil kulħadd, u ma jista’ qatt jindirizza l-problemi u l-bżonnijiet kollha li jeżistu fil-pajjiż.

    Għalhekk min jiġi jgħid illi dan il-Baġit ma ħasibx għat-tali proġett, jew ma ndirizzax it-tali problema u allura mhux Baġit tajjeb, mhuwiex qed jargumenta sew, u dak li jgħid hekk ma jkunx biss qed jipprova jiżvija lin-nies. Lanqas jista’ bniedem jgħid illi dan il-Baġit jindirizza biss il-problemi ta’ mil-lum għal għada u ma jaħsibx għal quddiem. Min jagħmel din l-asserzjoni m’għandux jieqaf hemm. Asserzjoni mhux sostnuta kapaċi jagħmilha kulħadd. Biex asserzjoni bħal dik tkun kredibbli wieħed irid jipperswadi lil min qed jisimgħu, dwar il-kif u l-għala l-miżuri huma biss miżuri ħfief, u jippreżenta lil min qed jisimgħu dwar x’kien jaħseb u jifhem hu b’miżuri fit-tul u li skont hu l-Baġit għalihom ma ħasibx. Sakemm ma ssir din id-difiża għall-argument tiegħu, l-argument jibqa’ biss allegazzjoni. Forsi f’dan il-pajjiż wasal iż-żmien li min jikkritika jitgħallem illi l-abjad għandek tgħidlu abjad u l-iswed, għandek tgħidlu iswed. Altrimenti se nibqgħu nduru fl-istess ċirku vizzjuż.