Iktar Responsabilita’

    Il-Malti jgħid aħjar tard milli qatt. Mhux l-ewwel darba li sħaqt dwar standards fil-ħajja pubblika inkluż il-Parlament. Hemm bżonn li jkun hemm min jgħases u jara dwar ksur ta’ etika.

    Għaddiet leġislatura oħra. Xtaqt li nara liġijiet bħal dik tal-Whistle Blower u l-Finanzjament tal-Partiti jidħlu fis-seħħ qabel l-elezzjoni ġenerali. Ix-xewqa tiegħi baqgħet xewqa għax dawn ma nstabx ħin biex il-parlamentari tagħna jiddiskutuhom, jaqblu dwarhom u jgħadduhom.

    Fil-pubbliku għad hemm il-White Paper, Il-Parlament Malti: Iktar Awtonomija, iktar Responsabilta’. Smajtu diskussjoni serja dwarha? Jien ma smajtx. Smajtu xi dibattitu dwarha waqt il-kampanja elettorali? Jien ma smajtx.

    Biex l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż ikollha r-rispett tal-poplu mportanti li jitħarsu l-istandards. Il-maġġoranza tal-poplu li jeleġġi lill-membri parlamentari jistenna minnhom l-ogħla standards f’egħmilhom kemm fil-ħajja pubblika kif ukoll dik privata. Meta persuna tagħżel li tersaq ‘l quddiem għall-fiduċja tal-poplu ma tagħmilx dan biex ikollha l-privileġġi imma biex tassew tagħmel id-differenza fil-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini ta’ dan il-pajjiż.

    Għad għandek persuni speċjalment dawk li jippretendu li huma xi paladini tal-partiti politiċi li jistennew mod ieħor. Jistennew lir-rappreżentant tagħhom li jidħol għalihom biex iqabbiżhom il-kju, biex jieħdu dak li mhux tagħhom, biex jitilgħu bil-lift flok bit-taraġ. Għandek min jiddeffes fil-politika mhux biex iservi, iżda biex jisserva. Għandek min jidħol fil-politika u jagħżel il-futur tiegħu skont kif ikun qiegħed jonfoħ ir-riħ u mhux skont prinċipji u standards li jħaddan.

    Il-partiti politiċi u dawk li poġġew lilhom infushom għall-iskrutinju tal-poplu biex ikunu magħżula bħala rappreżentanti tal-poplu jridu joqgħodu attenti b’min ikunu imdawwra. Il-partiti u l-kandidati m’għandhomx bżonn milizji madwarhom. Ma tkunx kandidat prim jekk madwarek ikollok l-iskorta, l-milizja u l-bullijiet li jiftħu t-triq lill-kandidat tagħhom ħalli jgħaddi ‘l quddiem waqt il-mass meetings.

    Il-poplu li jaqleb il-vot ‘l hemm jew ‘l hawn skont l-aħjar ta’ uliedu u tas-soċjeta’ ta’ madwaru mhux se jkejjel kemm jistħoqqlu l-appoġġ kandidat jew le skont kemm jgħajjar lil tan-naħa l-oħra jew inkella kemm juża kliem iebes fil-konfront ta’ dawk li ma jaqblux miegħu.

    Min għażel li jissieħeb ma’ partit politiku mhux biss bħala membru komuni imma jerfa’ ċertu responsabilta’ jrid jagħti l-eżempju kemm f’għemilu fil-pubbliku kif ukoll fil-ħajja privata.

    Meta persuna tagħżel biex tirrapreżenta lil poplu jew inkella jassumi kariga fil-ħajja pubblika, min se jarah, jekk hux waqt il-qadi ta’ dmirijietu jew inkella waqt mumenti privati, jistenna minn dik il-persuna standards għolja.

    Illum nieqaf hawn. Inkompli darb’oħra u mmiss punti li jissemmew fil-white paper li semmejt aktar ‘l fuq u li nistenna li wara li l-poplu jagħżel f’Marzu li ġej din tkun waħda mill-liġijiet minn tal-ewwel li għandha tkun approvata u implimentata.

    Dr. Joe Mifsud
    Avukat