​Iktar ma jsiru attakki, iktar jissaħħaħ il-Gvern

    Ħa  nkun  ċar  mill-ewwel: kulħadd għandu  dritt  jikkritika  u  jattakka  lill-Gvern,  dik  hi  d-demokrazija.  Il-libertà tal-espressjoni  għandha  dejjem  tiġi  rispettata. Għandna wkoll dejjem nirrispettaw lil min  ma jaqbilx magħna. Kliem goff, insulti, offiżi,  eċċ.,  żgur  m’għandhomx  post  f’dibattitu  demokratiku.
    Madankollu,  xorta  jibqa’  l-fatt  li  hawn  Malta  ċerti  elementi  fi  ħdan  il-Partit  Nazzjonalista  baqgħu  jaġixxu  donnu  għadna  f’kampanja  elettorali  u  ma  tridx  tkun  għaref  biex  tifhem  li  dawn  mhumiex  jirrispettaw  l-għażla  tal-poplu  dwar  min  għandu  jmexxi  l-pajjiż.  Qed  naraw  kampanja  kontinwa  kontra  l-Gvern  Laburista  b’kelma  waħda  li  tiddomina  fuq  kollox:  “bidla”.
    Issa  jien  inkun  minn  tal-ewwel  li  nammetti  li  l-kwistjoni  tal-“Panama  Papers”  tefgħet  f’dell  ikrah  ħafna  sew  lill-Gvern  Laburista  kif  ukoll  lil  pajjiżna.  Ħasra  tassew għaliex  il-ġid  kbir  li  ħoloq  il-Gvern  qed  jiġi  oskurat  mill-ħafna  aħbarijiet  li  baqgħu  joħorġu  l-ħin  kollu  dwar  dan  il-każ  tal-“Panama  Papers”.  Ħafna  jistaqsu  wkoll  jekk  kienx  żball  kbir  min-naħa  tal-Prim  Ministru,  Dr  Joseph  Muscat, li ma warrabx  mill-ewwel  lil  Konrad  Mizzi  u  Keith  Schembri.  Jien  ngħid  li  tajba  jew  ħażina,  din  id-deċiżjoni  poġġiet  lill-Gvern  f’pożizzjoni  diffiċli  ħafna.
    Imbagħad  kellna  l-qtil  brutali  ta’  Daphne  Caruana  Galizia.  Żgur  li  kollha  kemm  aħna  twaħħaxna  b’dan  l-assassinju.  Lil  Daphne  kont  sirt  nafha  meta  bosta  snin  ilu  kont  mort  Brussell  ma’  xi  membri  tal-midja  lokali  fuq  żjara  edukattiva  fl-istituzzjonijiet  tal-Unjoni  Ewropea.  Bħala  persuna  privata  kienet  ferm  differenti  minn  kif  ħafna  jafuha  fil-kitbiet  tagħha.  Niftakar  li  fuq  l-ajruplan  kont  ħdejha  u  kienet  anke  offrietli  l-ħafna  gazzetti  li  kellha  biex  naqrahom  tul  il-vjaġġ. Fil-kitbiet  tagħha  kienet  l-oppost, iebsa  għall-aħħar  ma’  dak  kollu  li  kellu  x’jaqsam  mal-Partit  Laburista.
    Daphne  żgur  ma  kienx  ħaqqha  li  tispiċċa  kif  spiċċat  imma  anke  hawn  qed  naraw  lil  min  ipprova  u  rnexxielu  bil-kbir  li  jdawwar  l-opinjoni  pubblika  f’ħafna  pajjiżi  kontra  l-Gvern  Laburista  minkejja  li  assolutament  ma  jidher  li  hemm  xejn  konkret  li  jorbot  lill-Gvern  ma’  dan  l-assassinju.  Li  hu  żgur  hu  li  “The  Daphne  Project”,  fejn  bosta  ġurnalisti  qed  joħorġu  l-informazzjoni  dwar  il-qtil  ta’  Daphne  Caruana  Galizia, qed  jagħmel  ħsara  enormi  lil  kif  jidher  pajjiżna  f’għajnejn  il-barranin.
    Jien  żgur  mhux  ħa  nikkundanna  lil  min  qed  jipprotesta  kontra  l-Gvern.  Dak  dritt  tagħhom  f’demokrazija.  Però,  ninkwieta  nara  li  f’ħafna  minn  dawn  il-protesti  tara  fuq  quddiem  nett  lil  Dr  Simon  Busuttil  u  l-klikka  tiegħu.  Ngħid  hekk  għax  jidher  ċar  daqs  il-kristall  li  filwaqt  li  wħud  minn  dawk  li  qed  jipprotestaw  qed  jagħmlu  hekk  għaliex  verament  jemmnu  fis-saltna  tad-dritt  u  l-governanza  tajba,  oħrajn  għandhom  l-għan  biss  li  jimminaw  lill-Gvern  Laburista.
    Hemm  bżonn  nifhmu  darba  għal  dejjem  li  jiġri  x’jiġri,  dan  il-Gvern  se  jibqa’  jmexxi  lill-pajjiż  sakemm  itemm  it-terminu  kollu  tiegħu. Dan għaliex il-poplu fil-maġġoranza kbira tiegħu huwa warajh.  Assolutament  ma  kienx  hemm  għalfejn  li  l-Partit  Laburista  jagħmel  wirja  ta’  saħħa  fl-1  ta’  Mejju  fl-okkażjoni  ta’  Jum  Il-Ħaddiem.  Dan  minħabba  l-fatt  li  l-Partit  Laburista  għandu  mandat  b’saħħtu  ħafna  biex  imexxi  l-pajjiż,  mandat  mogħti  mill-poplu  permezz  tal-vot  tiegħu  fl-Elezzjoni  Ġenerali  tal-2017.
    Għalhekk,  kwalunkwe  bidla  li  qed  jitolbu  dawk  li  qed  jipprotestaw  tista’  tkun  biss  ta’  nies  li  huma  parti  mill-Gvern  u  mhux  tal-Gvern  kollu.  Imma  huwa  hawnhekk  li  jien  nistaqsi:  “Dan  li  jridu  ċerti  elementi  fi  ħdan  il-Partit  Nazzjonalista  jew  l-għan  aħħari  tagħhom  huwa  li  jinbidel  il-Gvern?”  –  Li  hu  żgur  huwa  li,  jaħasra,  ċerti  nies  ma  jistgħux  jifhmu  li  aktar  ma  l-Laburisti  jħossuhom  assedjati,  aktar  jingħaqdu  wara  l-Mexxej  u  l-Gvern  tagħhom.  Anke  Laburisti  li  kellhom  xi  kwistjonijiet  mal-Partit  tagħhom  issa  ġew  lura  biex  jagħtu  l-appoġġ  tagħhom.  It-tattika  ta’  attakk  kontinwu  fuq  il-Gvern  Laburista,  ta’  esaġerazzjonijiet  il-ħin  kollu  f’dak  li  jingħad  u  jinkiteb,  wasslet  għal  tkaxkira  elettorali  għall-Partit  Nazzjonalista  fl-Elezzjoni  Ġenerali  tal-2017.  Il-Kap  tal-Partit  Nazzjonalista,  Dr  Adrian  Delia,  jidher  li  hu  konxju  ta’  dan  il-fatt  imma  Dr  Simon  Busuttil  u  sħabu  donnhom  ma  tgħallmu  xejn  u  baqgħu  jippersistu  fit-triq  li  kienu  qabdu  qabel  l-Elezzjoni  Ġenerali,  triq  li  daħħlithom  fi  sqaq  li  ma  jidhrux  li  se  joħorġu  minnu  malajr.
    Possibbli  li  hawn  min  għadu  ma  ndunax  bl-entużjażmu  li  nħoloq  fil-Partit  Laburista  dan  l-aħħar  minħabba  l-attakki  li  qed  isiru  fuq  il-Gvern?  –  Entużjażmu  li  hu  frott  tar-rabja  tal-partitarji  Laburisti  minħabba  mewġa  ta’  attakki  li  huma  jqisu  bħala  fil-biċċa  l-kbira  tagħhom  inġusti  fil-konfront  tal-Gvern.  Għalhekk,  huwa  fatt  li  aktar  ma  jsiru  attakki  fuqu,  aktar  il-Gvern  Laburista  qed  jissaħħaħ  lokalment. Aktar ma nibqgħu sejrin  hekk,  aktar  il-Partit  Nazzjonalista  jbiegħed  il-ġurnata  li  xi  darba  jerġa’  jieħu  l-poter  f’idejh.
    Xi  jrid  isir?  –  Il-Partit  Nazzjonalista  hemm  bżonn  li  jwarrab  darba  għal  dejjem  minn  ħdanu  dawk  l-elementi  li  dejjem  imorru  għal  soluzzjoni  estrema  u  li  ma  twassal  imkien.  Kritika  trid  issir  u  għandha  ssir  imma  trid  tkun  moderata,  ġusta  u  bbażata  kollha  kemm  hi  fuq  fatti  u  mhux  allegazzjonijiet,  kultant  bla  bażi  ta’  xejn.
    Min-naħa  tiegħu,  il-Gvern  Laburista  jrid  jifhem  li  l-appoġġ  intern  ma  jistax  jaħbi  l-fatt  inkwetanti  li  għandu  l-opinjoni  pubblika  barranija  kważi  totalment  kontrih.  Wirjiet  ta’  saħħa  biex  juri  kemm  għandu  appoġġ  f’Malta  mhumiex  se  jsolvu  l-problema.  Hemm  bżonn  li  jibda  jaħdem  bis-serjetà fuq  kif  se  nsewwu  d-dannu  li  sarilna  bħala  pajjiż.  Jista’  jkun  ukoll  li  jkun  hemm  bżonn  ta’  deċiżjonijiet  iebsin  fl-aħjar  interess  tal-pajjiż.  Il-pajjiż  u  anke  l-partit  għandhom  jiġu  qabel  l-individwi.