If you follow the real media, my dear, tkun taf – Vella

    “Il-media ma tgħinx,” qalet Michelle Muscat waqt li lbieraħ kienet qed tiġi intervistata fuq l-istazzjon tat-televixin tal-partit tagħha li għandu wkoll stazzjon tar-radju, gazzetta, website, kontroll assolut fuq mill-inqas żewġ gazzetti oħra u fuq ix-xandir kollu tal-istat u budget infinit għall-propoganda fuq kull media soċjali li teżisti.

    Kien ikollha raġun biex tbigħ Michelle Muscat kieku qalet hekk dwar dik il-media li hija mmexxija minn żewġha: dak li waqt xhieda fil-Qorti ntqal li jsibuh bħala ‘x-xiħ’.

    Media li serviet ta’ paraventu

    Dik il-media qatt ma għenet biex il-poplu jifhem dak li kien għaddej minn wara dahru. Anzi, dik il-media serviet ta’ paraventu għall-ħniżrijiet li kienu qed jagħmlu dawk li l-President tar-Repubblika sejħilhom ‘il-klikka li ġabet għajb fuq pajjiżna.’ Dik il-media ntużat biex il-fatti ssejħilhom gideb, biex lil min kien qed jiftaħ l-għajnejn issejjaħlu negattiv u għajjur u biex il-ġurnalista li ma beżgħetx tikxef il-ħmieġ titpinġa f’moħħ in-nies bħala saħħara.

    Iżda Michelle Muscat mhux għal dik il-media kienet qed tirreferi lbieraħ. “Aħna dejjem kellna l-media kontra tagħna,” kompliet tgħid. B’hekk iċċarat li l-media li skontha ‘ma tgħinx’ hija, pereżempju, ta’ dawk li sakkruhom fit-tlieta ta’ filgħodu f’kamra f’Kastilja, ta’ dawk li fetħulhom kemm-il kawża ta’ libell biex isikktuhom u mbagħad meta kellhom jixhdu ħarbu jiġru b’saqajhom ma’ daharhom jew il-media tal-ġurnalista li sentejn ilu splodewha u qatluha.

    Kieku din il-media għenet ftit lil Michelle qatt ma konna nsiru nafu li malli rebħu l-elezzjoni tal-2013 l-accountant favorit ta’ Kastilja għamel tliet kumpaniji fil-Panama u li dar id-dinja kollha jipprova jiftaħ kontijiet bankarji għalihom. Kieku l-media internazzjonali ma kinetx kontra Michelle, qatt ma kienet tazzarda tonfoq flejjes kbar biex insiru nafu ta’ min hi l-kumpanija 17 Black li nħolqot biex tagħti ħamest elef ewro kuljum lill-kollegi u ħbieb tal-qalb ta’ żewġha.

    Ritratt ġewwa Kastilja

    Kieku l-media riedet tgħin lil Michelle, ir-ritratt ġo Kastilja ta’ dak li ammetta li irranġa għall-qtil ta’ Daphne mal-ikbar ħabib ta’  żewġha qatt ma kien ikun ippubblikat. Lanqas ma konna nsiru nafu li tawh xogħol li ma kien jinvolvi ebda xogħol jew li wieħed mill-bodyguards ta’ żewġha mar iwiegħed li l-qattiela se jinħelsu u li se jingħataw tliet miljun ewro bejniethom biex kollox jinżamm mistur.

    Kieku l-media mhix kontrihom ma tgħidilniex li l-ordni biex tinqatel Daphne kienet konfermata dakinhar li tħabbar ir-riżultat tal-elezzjoni

    Jien u nisma lil Michelle Muscat titkellem dwar kemm il-media m’għenithiex ftakart f’konferenza għall-aħbarijiet li kienet tat tliet snin u nofs ilu, fiż-żmien meta bdejna nsiru nafu bl-iskandlu tal-Panama. Dakinhar, b’henna tattoo daqsiex fuq idha, Michelle Muscat wieġbet lill-ġurnalisti bi frażi li baqgħet imwaħħla magħha. “If you follow the media, my dear, you would know that I was on holiday,” qaltilhom.

    Illum nistħajjel lil dawk il-ġurnalisti jduru fuq Michelle Muscat u jgħidulha “If you follow the real media, my dear, u mhux dik ikkontrollata minn żewġek, tkun taf li l-aqwa żmien tal-‘klikka li ġabet għajb fuq pajjiżna’ wasal biex jintemm.”

    Aqra aktar: Xtaqt li l-ħajja politika tiegħi ma spiċċatx hawn – Muscat