Id-Drittijiet u l-Ħsibijiet

    Għal min hu ta’ l-eta tiegħi, jew anke ftit ikbar jew ftit iżgħar minni, m’hu xejn għal kollox att straordinarju li l-mara jkollha mpjieg. Anzi, naħseb nista ngħid biċ-ċar li probabli fl-ebda ħin minn ħajjitna, jien u dawk ta’ l-eta tiegħi, ma ħarisna lejn din l-għażla bħala xi fenomenu.
    Inkompli nikkonferma illi, li l-mara tohrog tahdem m’huwiex fenomenu meta nħares lura u ninduna li  ħafna min-nisa li kelli preżenti f’ħajti bħala mudelli t’eżempju, fosthom il-mama tiegħi, kienu jaħdmu. Jista' jkun li forsi għalhekk li għalija, għall-familja tiegħi u għal ħafna tfajliet oħra bħali u l-familji tagħhom kienu propju proċess naturali li aħna nikbru u nagħżlu li jkollna xogħol li jagħtina sodisfazzjon.
    Iżda llum, li forsi ċ-ċirku ta’ nies li naf u niltaqa' magħhom dejjem jikber u jvarja fl-eta u fl-esperjenzi, u anke għax kif jgħidu, l-esperjenza tiegħek stess tgħallmek, indunajt li dak li għalija jista jkun ovvju, għal oħrajn jista jitqies differenti jew xi ħaġa straordinarja. Qed ngħid hekk għax, għalkemm illum nitkellmu ħafna dwar id-diversità u l-importanza tagħha u d-drittijiet u l-aċċess għalihom, kultant tiltaqa' ma' individwi li bħal donnu ma mxewx ma' dawn il-qabziet li s-socjetà ta' madwarhom tkun ghamlet. Qisu bhal donnu s-socjetà evolviet u l-ħsibijiet ta’ xi individwi ma mxewx bl-istess ritmu.
    Għalkemm illum fuq il-postijiet tax-xogħol insibu numru sostanzjali (anke jekk mhux biżejjed meta mqabbel ma’ pajjiżi oħra) ta’ nisa li għandhom karriera u għalkemm dan huwa biex ngħid hekk kważi kważi n-norma, xorta waħda għadek issib individwi li jgħaddu kummenti li jixhdu li ġejjien minn ħsieb jew trobbija li tkun tirrifletti mod ieħor. Dak li għal ħafna bħali huwa ovvju u huwa proċess naturali għall-aħħar, għal dawn l-individwi jkun fenomenu u allura bħalikieku meta wiehed jiltaqa' ma' dal-fenomenu ma jkunx jaf kif ħa jirreaġixxi.
    Dan ir-reazzjoni ma tezistix biss fil-konfront tan-nisa fuq il-post tax-xogħol, imma teżisti wkoll lejn nisa u rġiel li jkollhom orjentazzjoni sesswali differenti; nisa u rġiel ta’ karnaġġjon jew etnicità differenti; u nisa u rġiel b’diżabilità.
    Jekk verament irridu nkunu xhieda tal-qabża li għamilna fid-drittijiet ugwali għal kulħadd, hemm bżonn li l-ħsibijiet u l-għaġir tagħna jimxu id f’id, bl-istess ritmu u fl-istess direzzjoni, mad-drittijeit għall-ugwaljanza. 

    Amy Camilleri Zahra