Id-Drama fil-ħajja tagħna ta’ kuljum

    Ir-riflessjoni tal-lum teħodni fil-kwotazzjoni tad-drammaturgu William Shakespeare “All the world is a stage, and all the men and women merely players: they have their exits and their entrances”.
    Meta nitkellmu fuq drama, jiġi f'moħħi xi palk arredat bl-armar u dwal għal xi xena li nkunu se nsegwu; bl-atturi ppreparati sew bil-linji li studjaw u bil-karattru li se jinterpretaw, kif ukoll bil-kostum milbus u addattat għal dik il-parti. L-udjenza ssegwi b'attenzjoni u tirreaġixxi billi tesprimi emozzjoni ta' daħq jew biki u wara ċertu ħin, dan kollu jiġi fi tmiemu b'applaws mistħoqq lil dawk kollha li ħadu sehem kemm fuq il-palk kif ukoll wara l-kwinti!
    Imma l-ħajja kif inqabbluha ma' dak li għaddej fuq il-palk? F'kull ġurnata li tgħaddi, fi tmiem il-jum isiru diversi riflessjonijiet; hija drama dak li nkun għext matul il-jum? Min hu l-awtur ta’ ħajti? Kemm hi importanti li matul il-ġurnata nidħol wara l-kwinti, inbiddel il-kostum u nidħol fi rwol differenti kif meħtieġ u mhux neħel ma’ rwol wieħed? Jekk fuq ix-xogħol, bil-kostum tax-xogħol, jekk id-dar bil-kostum tal-mara tad-dar u tal-omm, jekk inżur l-ommi bil-kostum tat-tifla eċċ…!
    Dawk ta' fuq il-palk għandhom l-opportunita' jesprimu ruħhom; għandi l-istess opportunita' fil-ħajja tiegħi ta' kuljum? L-attur jistqarr li waqt li qiegħed fuq il-palk jesperjenza xi ħaġa kbira mmens – dik li jgħix il-mument; la jaħseb fuq dak li għadda minnu lbieraħ u lanqas jipprova jpinġi futur li ma jeżistix! Dan il-mument, kif nista’ nibda ngħixu u mhux moħħi jiġri jaħseb f’dak li ġej u nitlef dak li suppost qed ngħix u nesperjenza f’dak il-mument? Kemm qed ikolli flieles ipespsu f’widnejja u flok inwaqqaf il-ħoss tagħhom nagħżel li ngħalifhom biex jikbru u jfesfsu iżjed? Nista’ ma niġġudikax u nħalli dak li taqalni lbieraħ warajja u nibda jum ġdid bħala ġdid? Fil-ħajja ta' kuljum kif nista’ nipprattikah dan u ngawdi mis-sabiħ tiegħu? Hemm età meta nieqaf naħdem fuqi nnifsi?  U nista' nbiddel il-burdata/l-emozzjoni li nqum biha filgħodu? Fl-aħħar mill-aħħar, l-għażla dejjem tiegħi inkunx b’geddum sal-art jew tbissima minn widna sa widna, jekk inħossnix ħafif rix jew tqil ċomb – finalment, jien min verament jien? Naf min jien? Jew jien dak li jixtiequni u dak li jridu n-nies?  
    Kemm hu sabiħ li nifhem iktar lili nnifsi u wkoll li nħoss l-importanza tal-irwol tiegħi fis-soċjetà, il-kontribut li rrid nagħti, imma bla dubju l-isbaħ ħaġa li nifhem kemm hi sabiħa l-ħajja; jekk nifhem din, ngħixha żgur!
    Il-ħajja sabiħa, mela għixha!