Id-diskussjoni fuq id-droga

    Id-diskussjoni fuq is-sustanzi illegali mhux illum bdiet. Ilha għaddejja s-snin. Sedqa kienet waħda mill-organizazzjonijiet li, sa mit-twaqqif tagħha (għoxrin sena ilu eżatt) qajmet din id-diskussjoni nazzjonali anke sabiex tgħallem lil poplu u tqajjem aktar għarfien fuq dan is-suġġett. Kemm twaddbet kritika għax parti mill-programm tagħha fl-iskejjel kien jinkludi diskussjoni miftuħa mal-istudenti. Kien hemm min jemmen li l-aħjar tbeżża … Illum kulħadd jaf li jekk ma tgħidx l-istudenti l-verita, dawn malajr titlifhom u fuq kollox illum l-informazzjoni qeda hemm u tista tintlaħaq minn kulħadd fuq l-internet. L-arma tal-biża fuq l-ebda suġġett ma taħdem u dan kien ippruvat ħafna drabi. Il-verita dejjem kienet l-aħjar arma!
    Imma dan l-aħħar donnu li qed nerġgħu nagħmlu l-mistoqsijiet li għamilna numru ta’ snin ilhom mhux ħażin. Li taħseb li ser issolvi l-problemi marbuta mat-teħid tad-droga bil-liġi biss mhix possibbli u qatt ħadd ma ħaseb li din waħedha hija s-soluzzjoni.
    Li tilliberallizza l-użu tad-droga lanqas ma tista tkun soluzzjoni. Ma tridx tmur il-bogħod ħafna. Naraw l-eżempji tas-sigaretti u tal-alkoħol. Nies dipendenti fuq dawn iż-żewġ sustanzi hawn kemm trid. Lanqas id-dħul tagħhom bil-kutrabandu ma nqata, allavolja fis-suq hawn kemm trid alkoħol u sigaretti. Imma xorta tisma jew taqra lil min jissuġġerixxi li dan isir.
    Apparti dan kollu, qed naqra ħafna affarijiet li m’humhiex eżatt kif intqalu. Meta bdiet id-diskussjoni fuq id-dikriminilizazzjoni, fiċ-ċentru ta’ dak is-suġġeriment kien hemm il-vittma li huwa dipendenti fuq dawn is-sustanzi u mhux is-sustanza innifisha. Il-punt kien dejjem li billi tibgħat il-ħabs lil min huwa dipendenti fuq xi sustanza, ma tkunx qed tgħinu għax dan mhux kastig għandu bżonn imma kura u appoġġ sabiex jindirizza l-problema u jħallieha warajh. Id-diskussjoni llum qeda tiffoka aktar fuq is-sustanza milli fuq il-ħtieġa tal-persuni.
    Numru kbir ta’ individwi li għamlu l-programm sabiex jeħilsu mid-dipendenza tad-droga kellhom sejf imdendel fuq rashom waqt li kienu qed jaħdmu fuqhom nnfushom biex jaqtgħu dan il-vizzju. Sejf b’forma ta’ numru ta’ każijiet oħra li l-persuna ikollha quddiem il-Qrati minħabba għaġir kriminali li tkun wettqet.
    Qabel ma naslu li jkollna sistema li tiġbor f’daqqha l-każijiet kollha li jkollu individwu, inutli tinvesti ħafna ħin u ħafna flus fuq programmi residenzjali jew fil-komunita li jiswew ħafna flus, għax trid professjonisti b’ċertu taħriġ u kwalifiki biex jaħdmu mal-persuni, u trid ukoll tieħu ħsieb il-persuni 24 siegħa kuljum jekk qegħdin f’residenza. Tassew ħasra li wara li l-persuna teħles mid-dipendenza,  xi żmien wara terġa tissejjaħ il-qorti għax jibda xi każ ieħor milli jkollhom. Jekk jintbgħat il-ħabs is-sitwazzjoni terġa ssir diffiċli ħafna. Nafu b’każijiet li fl-intervall ikun sab ix-xogħol u forsi ukoll qed irabbi familja. Kemm bgħatu social workers l-aġenziji kollha li jaħdmu f’dan il-qasam biex jgħatu l-appoġġ meħtieġ lil dawk li jkunu temmew il-programm b’suċċess imma ma tistax tkun magħhom il-ħin kollu.
    Ħarsa ħafifa turina fejn qed infallu: s-sistema mhix waħda li għandha l-persuna fiċ-ċentru tagħha u anqas m'għandha direzzjoni ċara. Bħal ħafna affarijiet oħra, għandna  ħafna biċċiet jaħdmu għal rashom imma neqsin mill-ko-ordinament li jkun ikkonċentrat fuq il-bżonn tal-persuna. Saru attentati fil-passat imma fallew għax fiċ-ċentru tal-pjan ma kienx hemm il-persuni bil-problema imma affarijiet oħra.
    Ukoll jekk nitfgħu lil kulħadd f’keffa waħda nkunu qed nagħmlu żball kbir għax in-nies huma indivdwi bi bżonnijiet partikulari. Kull programm jekk hux residenzjali jew fil-komunita jiddependi minn x’inhu possibbli għal individwu. Mhux kulħadd jista jħalli l-post tax-xogħol jew l-istudju għal tul ta’ żmien u anqas mhux kulħadd kapaċi jibqa fil-kommunita u jsegwi dak li huwa meħtieġ minnu. Dejjem irid ikun il-persuna fiċ-ċentru għax kumplikazzjoni oħra hija l-fatt li l-bżonn tal-persuna jista ukoll jinbidel anke aktar minn darba.
    Jekk irridu nindirizzaw din il-problema bis-serjeta, irridu nindirizzawha bħala dipendenza fuq sustanza li minnha nnifisha ssir kronika u li ma teħlisx minnha bi sforz wieħed imma hemm possibilta kbira li terġa taqa’. Bl-ingliż ngħidu ‘chronic relapsing condition’. U rridu ndaħħlu l-aspett soċjali u l-effetti tiegħu aktar bil-qawwa. Kull bniedem għandu lati differenti li jridu jkunu indirizzati imma jibqa l-istess bniedem. Taħdem fuq lat wieħed tal-problema ma twassalx għas-soluzzjoni.

    Sina Bugeja