Home Start

    Home Start Malta huwa proġett li nbeda aktar minn ħames snin ilu ġewwa l-Kottonera. L-iskop prinċipali huwa li voluntiera mħarrġa apposta jgħatu sapport, ħbiberija u għajnuna kemm prattika u kemm emozzjonali f’waqtha lil ġenituri li għandhom tfal taħt il-ħames snin. Illum kulħadd jaf kemm huma mportanti l-ewwel snin tat-tfal u t-trobbija f’dan il-perjodi għandha effett fuq il-kumplament ta’ ħajjithom. Għalhekk issir din l-emfasi kollha fuq dan iż-żmien partikulari.

    l-istorja ta’ Home Start bdiet fl-1973 ġewwa r-Renju Unit minn Margaret Harrison bl-iskop li tgħin lill- familji bi tfal żgħar meta jkunu għaddejjin minn xi kriżi jew stress partikulari sabiex isibu l-għajnuna meħtieġa biex jibqgħu jieħdu ħsieb lit-tfal tagħhom. Fl-1999 sar Home Start International u tferrex f’ħafna pajjiżi.

    Home Start Malta għandu numru ta’ voluntiera, huma nfushom ġenituri li tħarrġu apposta biex ikunu jistgħu joffru sapport lil ġenituri li jsibu ruħhom f’sitwazzjonijiet diffiċli waqt li qed irabbu it-tfal. Eżempji ta’ dawn is-sitwazzjonijiet jinkludu: ġenituri li jħossuhom waħedhom; ġenituri li qed irabbu lit-tfal waħedhom; familji bi problemi ta’ saħħa jew bi bżonnijiet speċjali; u familji b’ ħafna tfal. Illum Home Start qed joffri sapport lill-familji f’lokalitajiet differenti ta’ Malta kollha u anke nfetħet branka ġewwa Għawdex ħalli tkopri l-bżonnijiet ta’ l-Għawdxin.

    Il-voluntiera jiġu minn kull qasam tal-ħajja u huma ta’ eta varjata. Minn diġa kabbar it-tfal u issa jixtieq jgħati xi ħaġa lura lis-soċjeta u min għadu hu stess qiegħed irabbi. In-nies li talbu s-sapport u l-għajnuna ukoll jiġi minn oqsma differenti u anke għandhom livell ta’ edukazzjoni differenti. Kien hemm ukoll min l-ewwel talab l-għajnuna u wara li l-maltemp tiegħu għadda, daħal għat-taħriġ u sar voluntier hu stess.

    Is-sapport u l-għajnuna li tingħata tiddependi miċ-ċirkostanzi tal-familja li titlob l-għajnuna. Tista tvarja minn li takkumpanja persuna għall-appuntamenti l-isptar sa torganizza ħin għall-logħob għall-familja flimkien. Tista tgħallem lil xi ħadd kif iqassam il-flus li jkollu jew tgħallem lil xi ħadd tattiċi partkulari li jgħinu fit-trobbija. Tista sempliċiment tkun hemm għal din l-omm jew dak il-missier li jħossuhom li m’għandhom lil ħadd u tgħinhom billi tkun tista tismaħħhom u tgħinhom isibu soluzzjonijiet għas-sitwazzjonijiet li jkunu qed jesperjenzaw.

    Xi individwi li saru jafu bis-servizz applikaw għailih huma stess, oħrajn ingħataw referenza minn professjonisti. Kif issir talba għas-servizz, isir assessment biex jiġi definit x’inhu l-bżonn u wara issir ukoll tqabbil bejn min qed jitlob l-għajnuna u min ikun ser jgħati s-sapport. Dan sabiex kemm jista jkun il-persuni jkunu kompattibbli ma xulxin u l-bżonn li jkun identifikat ikun ndirizzat.

    Is-servizz ma jaħdimx mingħajr il-voluntiera u għalhekk kull sena issir kampanja sabiex ningaġġaw aktar voluntiera. Kull min hu nteressat u jaħseb li għandu x’jgħati qiegħed biss telefonata jew e-mail ‘l bogħod. Min, minn naħa l-oħra, iħoss li għandu l-bżonn ukoll jista jaqbad it-telefon jew jikteb e-mail u jagħmel kuntatt. It-telefon huwa 21678043 / 9901 8398 jew jibgħat e-mail fuq home.start@maltanet.net

    Inżommu f’moħħna li meta ngħatu aħna naqilgħu …

    Sina Bugeja
    Kap Eżekuttiv, Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali