Ħitan u Pontijiet

    Minn età żgħira kont insegwi dak li kien jiġri fix-xena internazzjonali b’ċertu interess. Niftakar konverżazzjoni ma’ missieri fejn kien qalli li ta’ l-età tiegħi (8-10 snin), l-ikbar ġrajja li kkaratteriżżat l-istorja u li għex kienet il-wasla tal-bniedem fuq il-qamar.  
    Jien għal xi raġuni oħra kont trabbejt fl-era tal-qasma Ewropeja, dik tal-Lvant u tal-Punent. Għaldaqstant kelli dik il-ħerqa u stennija biex xi darba jaqa l-Ħajt ta’ Berlin.
    Kelli x-xorti li ngħix il-waqgħa ta’ dak il-ħajt. Dak il-mument, li niftakar tant ċar, kellu għadd ta’ tifsiriet, però f’dik l-età idealista’ ħarist lejn il-waqgħa tal-ħajt bħala bidu ġdid għall-umanità.
    Ittamajt, b’mod utopiku, li ma jkunx hemm iktar kunflitti, firdiet u gwerer. Dik it-tama kienet imsaħħa b’għadd ta’ ġrajjiet li kienu qed jibagħtu sinjali li finalment kien se jitranġaw l-affarijiet f’għadd ta’ żoni oħra madwar id-dinja. L-istess sa ċertu punt f’pajjiżna, kien hemm sforz minn kulħadd lejn il-konċiljazzjoni wara perjodu ta’ tensjoni politika kbira.
    Maż-żmien l-affarijiet inbidlu, l-ewforija spiċċat u bħal donnu kien hemm żewġ proċessi. Proċess sinjifkanti ta’ għaqda Ewropeja li wassal għat-tkabbir storiku ta’ l-2004, fejn dawk li kienu wara l-ħajt daħlu ġewwa u saru Unjoni waħda.
    Proċess sinjifikanti ieħor kien dak ta’ firda. Il-firda li waslet bl-attakki ta’ l-11 ta’ Settembru 2001. Dawk l-attakki taw qafas ġdid ta’ firda f’dinja li ekonomikament kienet qed timxi lejn il-globalizzazzjoni, però f’oqsma oħra l-affarijiet kienu l-oppost.
    Illum qed naraw, li riżultat li dak li nemmen li nżera' fil-bidu tas-seklu u kawża ta’ l-kunflitti eterni, erġajna qed nibnu ħitan. Il-ħitan huma kemm fiżiċi kif ukoll mentali. Illum iktar minn qatt qabel qed naraw realtajiet fejn qisu iktar ma tagħmel segregazzjoni bil-għan li tipproteġi, iktar tkun b’saħħtek. Nibża li anke f’pajjiżna, minkejja dak kollu li jingħad, li hu tajjeb li nkunu ‘nazzjon’ wieħed u pajjiż wieħed, xorta għadna ngħixu t-tribaliżmu ta’ l-'aħna' u l-'huma'.
    Tribaliżmu li huwa riflessjoni ta’ fenomenu globali, fejn kollox irid ikun mdawwar ma’ ‘Il-Jien’ u dak kollu li ma hux il-“Jien’ allura huwa l-ieħor u jekk nista' nieħu xi ħaġa minnu allura naċċettah jekk le, niċħdu, nkasbru u jekk nista' neqirdu.
    Tmexxija kuraġġuża u għaqlija hija dik li tmur kontra l-kurrent, mhux sempliċiment biex tmur kontra l-kurrent imma għax temmen li hekk hu tajjeb.  Fil-fatt l-istil ta’ Papa Franġisku li jibni il-pontijiet u jsejjaħ għal-aktar pontijiet jispikka proprju għax huwa uniku.
    Li jeħodni lura għal tfuliti…. Kont noħlom li xi darba, l-'aħna' u l-'huma' jispiċċaw. Kont inħares lejn nies bħala Ġwanni Pawlu II u għadd ta’ mexxejja politiċi madwar id-dinja li kellhom interess li jwaqqgħu il-ħitan bħala tama. Illum ħafna mill-mexxejja dinjija huma mistennija mill-popli tagħhom li jitkellmu dwar il-ħolqien ta’ ħitan. Il-populista jagħżel li jibni l-ħajt.
    Nemmen li l-istatista huwa dak li jħares b’kuraġġ u jara kif l-uniċi ħitan li jinbnew huma dawk li huma bażi għall-pontijiet. Pontijiet mibnija iktar b’azzjoni konkreta milli b’narrattiva u retorika populista.
    Bħal fi tfuliti, nixtieq li anke uliedi jħarsu b’ottimiżmu u b’rispett lejn min jibni il-pontijiet bejn nies, razez, kulturi, politiċi u dak kollu li jgħin biex nitkellmu fuq l-'aħna lkoll' milli fuq ‘il-jien’