Hemm bżonn ta’ riforma kbira fil-ħabs!

    Il-Facilita-Korrettiva-ta-Kordin

    Jien kont naħdem bħala Kordinatur tat-Taqsima tal-Edukazzjoni fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin bejn l-1997 u l-2009, jiġifieri domt tnax-il sena naħdem hemm full-time. Fl-1998, il-Gvern Laburista ta’ dak iż-żmien kien anke bgħatni nattendi kors internazzjonali fuq l-edukazzjoni tal-adulti f’Ramat Rachel, l-Iżrael fejn kelli wkoll l-okkażjoni li nżur il-Faċilità Korrettiva ta’ Ramla biex nara b’għajnejja l-aħħar żviluppi f’dan il-qasam.   Għalhekk, jiddispjaċini li llum naqra ħafna rapporti fil-ġurnali li huma kritiċi għall-aħħar dwar dak li qed isir fil-Faċilità bħalissa.

    Nibda mill-isem stess. L-isem korrett huwa “Il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin” u mhux “Il-Ħabs”.

    Użajt il-kelma “ħabs” fit-titlu biex jifhimni kulħadd imma l-kelma “ħabs” tirreferi għall-passat meta dan il-post kien meqjus biss bħala wieħed ta’ kastig għal min jikser il-liġi. Illum nużaw il-kliem “faċilità korrettiva” biex nindikaw li dan hu post ta’ rijabilitazzjoni fejn min għamel żball se ngħinuh jikkoreġi dak l-iżball biex jibda ħajja ġdida fejn minflok ikun ta’ piż fuq is-soċjetà, jagħti kontribut siewi u b’hekk ipatti għal għemilu b’ħidma tajba.

    Fid-dawl ta’ dan, faċilità korrettiva ma tistax titmexxa fuq stil militari. Dejjem emmint ukoll li min imexxi l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin m’għandux ikun membru jew eks-membru ta’ xi korp dixxiplinat bħall-pulizija jew l-armata imma għandu jkun bniedem ta’ status ċivili (“civilian”). Nemmen ukoll li fil-Faċilità ikun aħjar li ma jkunx hemm parati, uniformijiet “fancy” u affarijiet oħra li jirriflettu l-ħajja militari. Il-Faċilità Korrettiva trid tkun post fejn l-iskop primarju tal-istaff kollu li jaħdem hemm, inklużi l-gwardjani, ikun wieħed ibbażat fuq il-filosofija tal-ġustizzja restorattiva, jiġifieri li min żbalja jingħata ċ-ċans u l-għajnuna kollha biex jirriforma ruħu u jibda jagħti lura lis-soċjetà kontribuzzjoni siewja biex ipatti bit-tajjeb għal għemilu tal-passat.

    Dan ifisser li min imexxi l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u l-istaff li jaqgħu taħtu ma jistgħux jimxu mar-residenti tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin b’metodi ħorox ta’ dixxiplina. Metodi bħal dawn imorru totalment kontra l-prinċipju ta’ rijabilitazzjoni tar-residenti tal-Faċilità. Innotaw li jien lanqas qiegħed nuża l-kelma “priġunieri” għax kemm domt kordinatur tal-edukazzjoni qatt ma kont nuża dik il-kelma li għandha konnotazzjonijiet negattivi għall-aħħar.

    Dixxiplina jrid ikun hemm f’post ta’ rijabilitazzjoni, mela le, imma trid tkun dixxiplina umana u mhux dixxiplina stil militari tal-agħar tip.

    Niftakru li r-residenti tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin xi darba se jerġgħu joħorġu fis-soċjetà. Jekk iż-żmien li jagħmlu maqfulin ġewwa jkun wieħed pożittiv fejn jiġu mgħejjuna fl-iżvilupp personali tagħhom u fl-edukazzjoni u dan b’metodi ta’ empatija u mogħdrija, meta joħorġu barra se jkunu mgħammra bil-ħiliet meħtieġa biex isiru nies li jagħtu kontribut siewi lis-soċjetà. Jekk, min-naħa l-oħra, ir-residenti tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin isibu ma’ wiċċhom dixxiplina ħarxa u kastigi umiljanti, allura dawn isiru aktar anti-soċjali fl-attitudni tagħhom u, meta joħorġu, jivvendikaw ruħhom mis-soċjetà biex ipattu ta’ dan.

    Nixtieq ukoll nistaqsi: “X’sar minnu l-hekk-imsejjaħ “Corradino Correctional Facility Monitoring Board, dak li qabel kien magħruf bħala l-”Board of Visitors of the Prisons?”. Meta kont naħdem fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin bejn l-1997 u l-2009, dan il-Bord kien attiv ħafna u l-membri tiegħu kienu jżuru l-Faċilità diversi drabi biex jaraw li kollox miexi kif suppost. Mal-inqas ilment min-naħa tar-residenti, iċ-Chairperson tal-Bord kien imur dritt l-uffiċċju tad-Direttur u jiddiskuti miegħu x’għandu jsir biex is-sitwazzjoni titjieb. Niftakar ukoll li l-membri tal-Bord kienu jieħdu sehem attiv fl-edukazzjoni u xogħol ieħor ta’ rijabilitazzjoni tar-residenti. Dan il-Bord, jekk ikun qed jaħdem b’mod effettiv, huwa l-akbar garanzija li l-affarijiet jimxu kif suppost fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

    L-iskop tal-Corradino Correctional Facility Monitoring Board huwa propju biex jara li l-ebda Direttur ma jagħmel mill-Faċilità xi imperu personali tiegħu. Dan il-Bord huwa t-tarka tas-soċjetà barra l-ħitan tal-Faċilità biex jaċċerta f’isem iċ-ċittadini kollha li kollox miexi kif suppost f’entità li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Gvern u li għaliha kollha kemm aħna nħallsu t-taxxi. Infakkar li min imexxi l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin mhuwiex ‘il fuq mil-liġi u huwa wkoll suġġett għall-kontabilità.

    Nixtieq ngħid ukoll li l-fatt li d-drogi naqsu b’mod radikali fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin m’għandu x’jaqsam xejn ma’ tmexxija ħarxa fil-Facilità. Fil-passat, id-dħul tad-drogi fil-Faċilità kien falliment totali tas-sistemi tas-sigurtà. Il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin tista’ twaqqaf id-drogi u xorta waħda tuża sistemi ta’ dixxiplina b’wiċċ uman. Id-droga twaqqafha fil-bibien tal-Faċilità billi tara li ma tidħolx minn hemm ‘il ġewwa.

    Hija kwistjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà effettivi.

    Nappella lill-Ministru Byron Camilleri biex jirsisti mil-lum stess biex jibda r-riforma kbira meħtieġa fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.