“Have you tried uninstalling and reinstalling?”

    Dil-ġimgħa kelli ninstalla xi software ġdid ix-xogħol. U, bħalma spiss jiġri (lili, almenu) l-installazzjoni kkawżat katina ta’ aġġornamenti fuq diversi biċċiet software oħra u prattikament nofs l-aġġeġġi tal-uffiċċju. Malli nstallajt is-software, il-printer waqaf jaħdem. Logins ta’ varji siti u xi apps li nużaw regolarment, ma baqgħux jaħdmu sew. U nsomma, l-isbaħ parti tal-ġurnata taret bejn tiswija ta’ logins, installazzjoni ta’ drivers ġodda u ħafna u ħafna qrid min-naħa tiegħi.

    Malli jibdew jinqalgħu dawn l-intoppi fl-IT, dawk bħali li m’aħniex esperti nirrikorru għall-paġni “Help” tas-software u s-siti li jkunu qed iħabbtu. U hemm issib ruħek ġo labirint ta’ għażliet, menus u submenus, hekk-imsejħa FAQs (Frequently Asked Questions) u PDFs ta’ mitt paġna ’l waħda. Li ma ssibx, aktar ma mmorru, hu numru tat-telefown jew email dirett fejn tista’ tistaqsi lil xi ħadd jgħinek.

    F’dal-każ, sibt “Chat” fl-għażliet, u għidt ħa nipprova lilha forsi nkun nista’ – fl-aħħar – nispjega lil xi ħadd il-problema tiegħi, u jgħinuni nsolviha. U wara li qaluli li kont ir-raba’ fil-queue, imbagħad it-tielet … imbagħad it-tieni, u fl-aħħar l-ewwel … mess lili u kellimni xi ħadd. Manjieri impekkabbli, ħafna mistoqsijiet dwar x’sistema operattiv nuża, liema verżjoni tas-software installajt. S’hemm ok. L-ewwel, l-inevitabbli “Have you tried uninstalling and reinstalling?” u “Have you tried restarting your computer?” Iva, u iva.

    Wara ftit għaddejjin b’mistoqsijiet u tweġibiet standard, indunajt li ma kontx qed inkellem persuna tad-demm u l-laħam imma “bot” — robot jew kompjuter, ipprogrammat biex jantiċipa l-mistoqsijiet kollha possibbli tiegħi u armat b’database kważi infinita ta’ mistoqsijiet biex minnhom jislet u jtini dak li se jsolvili l-problema. L-intelliġenza artifiċjali, hawn biex taqdini.

    U ovvjament, ma wasalniex. It-tweġibiet kienu kollha irrelevanti, jew affarijiet li kont ġa ppruvajt jew affarijiet li kienu, nimmaġina, qablu f’ammont ta’ keywords ma’ dak li kont staqsejt jien imma li fil-fatt ma kellhom x’jaqsmu xejn ma’ li kelli bżonn jien.

    Meta kont proprju se naqta’ qalbi, il-bot jgħidli, “If you want to speak to a live agent, type so below.” Fl-aħħar! Ittajpjajt “live agent please”. U nfetħet tieqa ġdida li … minflok live agent, reġgħet bdietni mill-bidu ma’ bot ieħor!

    Insomma, fl-aħħar wara xi 20 minuta wasalna mal-famuż live agent, bl-isem improbabbli ta’ “John Smith” imma li kellu Ingliż agħar minn tiegħi fl-ewwel snin tal-primarja, u solvejna l-problema.

    Ma nistax ngħid li l-inkontru tiegħi mal-intelliġenza artifiċjali kien wieħed propizju. Imma l-intelliġenza artifiċjali qegħda madwarna u, milli jidher, f’kull qasam ta’ ħajjitna. Diġà hawn fridges li jaraw f’ikel fadallek u jiddeċiedu x’għandek bżonn tixtri u jordnawlek mis-supermarket. Sa anki l-Vatikan dal-aħħar organizza seminar dwar ir-robotika u l-etika fid-deċiżjonijiet awtonomi tar-robots. Bid-dħul, ftit snin oħra, tal-5G jidher li dak kollu li jiċċirkondana, mill-karozzi li nsuqu sal-appliances tad-dar, se jkunu kapaċi jieħdu ċerti deċiżjonijiet awtonomament. Karozza, ngħidu aħna, se tkun tista’ tikkomunika in real time ma’ karozzi oħra fit-triq u tiddeċiedi tieħu azzjoni drastika jekk tkun ġejja xi ħabta.

    Issa jekk hux se nserraħ moħħi li deċiżjonijiet li jaffettwawli ħajti se jittieħdu minn robots li lanqas kienu kapaċi jifhmuni fuq Chat dwar problema ta’ installazzjoni ta’ software, ma nafx …