Ħaqqu l-mewt!

    F’dawn l-aħħar jiem, il-Knisja f’pajjiżna ntlaqtet minn allegazzjoni oħra ta’ abbuż sesswali fuq minorenni minn membru tal-kleru. M’inix se nidħol fil-mertu tal-każ għax nemmen fil-prinċipju legali bażiku ta’ ‘innocent until proven guilty’, jiġifieri li għandha ssaltan il-preżunzjoni tal-innoċenza sakemm il-provi juru mod ieħor.
    Madanakollu, ma nistax ma nikkumentax b’mod pożittiv dwar il-fatt li r-regoli l-ġodda tal-Kummissjoni tal-Kurja għall-Ħarsien tat-Tfal u Adulti Vulnerabbli ġew segwiti minnufih u l-każ għadda bla tlaqliq f’idejn il-pulizija. Nittamaw li dan iwassal għal kultura dejjem iktar qawwija ta’ kontabilità fil-kleru u l-operaturi pastorali, u fl-istess ħin iserraħ l-imħuħ li min ikun tassew ħati ta’ dawn l-abbużi mhux se jkun jista’ jinħeba wara l-kullar jew it-tonka, jew jaqla’ xi trattament preferenzjali.
    Kumbinazzjoni iżda, dakinhar stess waslet aħbar mill-Ingilterra dwar il-qtil ta’ Terry Oldham, raġel ta’ 63 sena li madwar tletin sena ilu kien instab ħati li kkorrompa tifla taħt l-erbatax-il sena. Minħabba f’hekk kien tpoġġa fuq ir-reġistru tas-sex offenders u kien jgħix waħdu. F’Marzu li għadda, erba’ kriminali daħlu bil-forza jgħixu f’daru; ħassew li l-istorja tiegħu tathom dritt jagħmlulu li riedu għax ma kienx se jsib ħajt tal-kenn mill-pulizija.
    Tul numru ta’ jiem, Oldham ġie sottomess għal swat u vjolenza li xxaqleb lejn it-tortura. Apparti l-marki ta’ swat aħrax fuq il-partijiet kollha ta’ ġismu, l-investigaturi skoprew ukoll li l-membri tal-gang ġegħluh jiekol il-ħmieġ tal-klieb, u saħansitra qdew il-bżonnijiet naturali tagħhom fuqu.
    L-aħħar daqqa – li temmitlu ħajtu – kienet li stuprawh b’lasta ta’ xkupa miksura. Din il-vjolenza ħolqot ġrieħi interni li wasslu għall-mewt ta’ Oldham. Meta wieħed mill-gang qal lil sħabu li Oldham kien miet, marru jkomplu jorqdu qisu ma ġara xejn.
    Fiha nfisha, din il-ġrajja diġa hija xokkanti. Iżda ħaġa oħra li xxukkjatni kienet ir-reazzjoni tan-nies meta din l-istorja ġiet imxandra fuq paġna Maltija fuq facebook. Jekk kien hemm erbgħin kumment differenti, tnejn biss kienu ftit bilanċjati. L-oħrajn kollha kienu varjazzjonijiet fuq it-tema: “Ħaqqu, sewwa għamlulu!” Saħansitra kien hemm xi tnejn li staqsew għalfejn dawn l-erba’ qattiela ġew arrestati meta għamlu dak li messu għamel l-istat: medalja ħaqqhom, mhux manetti!
    Ma rridx ninftiehem ħażin u ma rridx nidher qed nimminimizza l-ħsara li seta’ kkawża Oldham lill-vittma tiegħu, jew it-tbatija serja li jgħaddu minnha (spiss għall-bqija ta’ ħajjithom) il-vittmi tal-pedofelija.
    Iżda jekk huwa veru li – kif qal wieħed mill-kummentaturi – Oldham ukoll kisser ħajja ta’ persuna, dan jagħti lilna xi permess nittorturawh u noqtluh bi ħdura? Min hu midħla tal-ħabsijiet jgħidilna li anki fost il-kriminali, il-pedofili huma meqjusa tassew fil-qiegħ, agħar mill-qattiela u agħar mill-istupraturi tal-kbar. F’għajnejn id-dinja huma ħatja tal-agħar dnub.
    Għalkemm nistqarr li jien ukoll ikolli reazzjoni ta’ rabja u stmerrija enormi kull meta nisma’ b’każ ta’ abbuż sesswali fuq it-tfal, ma nħossnix kwalifikat biex ngħid liema hu l-agħar dnub.
    Fuq kollox, kemm bħala Nisrani (li spiss jidneb) u b’mod iktar fundamentali bħala bniedem (li kultant jiżbalja) ma nħossx li nista’ ningħaqad mal-kor ta’ “Ħaqqu l-mewt!”