”Ħaduli d-dettalji!” – Ir-Regolament ġdid dwar iż-żamma ta’ informazzjoni fuq min jivvjaġġa

    Il-ġimgħa l-oħra fi Strasburgu l-MEPs fl-aħħar ivvutaw fuq ir-Regolament dwar iż-żamma ta' informazzjoni fuq min jivvjaġġa, l-hekk imsejjaħ Regolament tal-PNR (Passenger Name Record). F' dawn l-erba' linji ridt naqsam ftit informazzjoni dwar dan xi jfisser għalina ċ-ċittadini ta' rieda tajba.
    Qed ngħid fl-aħħar għax dawn in-negozjati tawlu 4 snin minħabba d-dilemmi importanti involuti. L-MEPs kellhom isibu l-bilanċ bejn is-sigurtà tagħna kontra t-terroriżmu u s-salvagwardja tad-drittijiet fundamentali tagħna, speċjalment dawk tal-privatezza u l-protezzjoni tad-data.
    Ir-Regolament adottat huwa filfatt bilanċ bejn sistema effettiva li tara li tinqasam l-informazzjoni bejn il-pulizija u l-awtoritajiet kollha inkarigati mis-sigurà taghna u s-salvagwardja li dik l-informazzjoni tintuża biss fejn verament hemm raġuni serja biex tintuża.
    Ħaduli d-dettalji! Hekk hu, b'dan ir-Regolament issa kull titjira lejn jew minn pajjiżi barra l-Ewropa ser tiġi reġistrata. Jittieħdu d-dettalji kollha dwar il-persuna, it-titjira u l-informazzjoni l-oħra kollha marbuta magħha. Din l-informazzjoni tinżamm għal ħames snin sħaħ minn entità apposta li ser ikolla titwaqqaf f' kull pajjiż li tieħu ħsieb li tiġbor din l-informazzjon kollha mingħand il-kumpanniji tal-ajru. Dik l-entità mbgħad tkun obbligata taqsam dik l-informazzjoni mal-awtoritajiet kollha konċernati f'Malta jew barra minn Malta hekk kif tintalab u tingħata raġuni valida għal din it-talba.
    Fil-verità dan diġà jiġri f’ċerti pajjiżi li diġà jużaw is-sistema tal-PNR. Iżda madwar l-Ewropa sal-lum kellna pajjiżi differenti li jużaw sistemi differenti, u allura s-salvagwardji għall-individwu (kif ukoll il-possibbiltà li l-awtoritajiet jużaw l-informazzjoni miġbura) kienu jvarjaw.
    Allura ser ikollhom l-informazzjoni kollha fuqna? Le mhux eżatt. Ir-regolament filfatt jgħid li dik l-informazzjoni tista tingħata mill-entità li tiġborha biss jekk ikun hemm bżonnha sabiex l-awtorità tikxef, tinvestiga jew tipprevjeni reat serju. Barra minn hekk, huwa biss għal perjodu ta’ sitt xhur li l-informazzjoni tkun tali li tkun tista’ tiġi abbinata mal-persuni li jkunu pprovdewha. Għall-bqija taż-żmien, din l-informazzjoni trid tkun ‘masked-out’, jiġifieri f’forma li ma tippermettix l-identifikazzjoni tal-individwu (ħlief ovvjament mill-awtoritajiet relevanti jekk ikun hemm raġni).
    Minbarra dan kull entità inkarigata mill-ġbir tal-informazzjoni ser ikollha persuna bir-responsabilità li dik l-informazzjoni tiġi użata biss fi ħdan il-limiti tar-regolament u skont ir-regoli kollha applikabbli għall-protezzjoni tad-data personali.
    Għaldaqstant, jidher ċar li l-bilanċ li sabu l-MEPs f' dan il-vot huwa wieħed li filwaqt li jżomm livell għoli ta' protezzjoni tad-data personali jara li jkun hemm il-qsim tal-informazzzjoni bejn l-awtoritajiet meta jkun hemm ċaqliq ta' persuni b' suspetti ta' intenzjonijet ħżiena.
    Tajjeb niftakru li t-tieni attakk fi Brussell, dak fil-metro, seħħ siegħa wara l-ewwel attakk fl-ajruport. Intqal li kieku l-ordni biex tingħalaq il-metro waslet fil-ħin kienet tiġi evitata traġedja oħra b'telf ta' ħajjiet ta’ nies innoċenti għaddejjin bil-ħajja tagħhom ta' kuljum.
    L-aħjar difiża kontra t-terroriżmu hija l-informazzjoni. Dan ir-Regolament qed jassigura li din l-informazzjoni tinġabar u titqassam meta jkun hemm bżonn.

    Dr. Peter Agius
    Kap tal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew