Ħaddiema barranin f’Malta

    Chuttersnap, Unsplash

    Ta’ spiss tisma’ min jgħidlek u min jilmenta li f’Malta hawn wisq barranin u li qegħdin ftit ftit jisirqu l-identità tagħna. Ma hu l-ebda sigriet li f’dawn l-aħħar ftit snin il-barranin f’pajjiżna żdiedu b’rata qawwija.

    Il-maġġor parti tal-barranin jiġu Malta biex jaħdmu. Sa ftit snin ilu l-maġġoranza tal-ħaddiema barranin f’pajjiżna kienu dawk l-immigranti irregolari li jiġu mill-Afrika li magħna l-Maltin ħafna drabi huma kollettivament magħrufa aktar b’terminu razzist, bil-kulur tal-ġilda tagħhom – ‘is-suwed’. Illum ma’ dawn ġew il-bojod u l-ġinġrin, għax ġew it-Taljani, l-Ungeriżi, is-Serbi, is-Slovakki u minn kull pajjiż ieħor tal-Balkani, kemm jekk fl-Unjoni Ewropea u anke le. Ma’ dawn tara mbagħad ruxxmata Filippini u Ċiniżi.

    Donnu l-Maltin ċerta xogħlijiet m’għadhomx iridu jagħmluhom u minflok qed jissejħu għalihom il-barranin. Fir-restoranti sar diffiċli ferm biex issib wejter Malti. Dan meta f’żogħżiti, pereżempju, konna kulħadd bil-pika min se jsib dak is-summer job f’restorant jew bar. Illum hlief barranin, ħafna minnhom mil-Lvant tal-Ewropa ma tarax. Il-kostruzzjoni hija wkoll kważi kollha mħaddma mill-barranin. Ħafna drabi l-imgħallem ikun Malti u l-ħaddiema jkunu barranin. Xogħlijiet oħra bħal ġbir ta’ skart u xogħlijiet ta’ tbatija jew skariġġ kollha qed jsiru mill-barranin. Jekk tmur sal-ajruport jew l-isptar tara li l-cleaners tal- kuntrattur huma kollha Filippini jew Ċiniżi. Jekk tmur ġo waħda mill-branki ta’ wieħed mis-supermarkets ewlenin f’pajjiżna ssib li l-biċċa l-kbira tal-ħaddiema huma wkoll barranin, ħafna minnhom taljani. U tista’ toqgħod iddur u tara!

    M’għandix dubju li l-impatt prinċipali ġej mill-Unjoni Ewropea. Dan l-impatt ftit li xejn hemm x’tista’ tagħmel dwaru. Ir-regolamenti tal-Unjoni Ewropea jippermettu li kull ċittadin ta’ kull pajjiż fiha, jista’ jmur jaħdem f’pajjiż ieħor tagħha, bla xkiel ta’ xejn. Naħseb hawn Eddie Fenech Adami kien mar waħda żmerċ sew meta ħassu biss konċernat li seta’ jkun biss xi barbier minn Sqallija li jiġi jiftaħ hawn Malta. Illum minn Sqallija biss fetħu barbiera, restoranti, kafetteriji, u ħaddiema f’kull settur.

    Dawn il-ħaddiema qed niġġustifikawhom billi ngħidu li l-ekonomija kibret, u allura hawn bżonnhom għax qed ikattru l-ġid. Imma dan mhux minnu. Dan hu biss ċirku vizzjuż. B’dawn il-ħaddiema barranin kibret żgur u waħda sew il-popolazzjoni fuq din id-daqsxejn ta’ gżira. La l-popolazzjoni kibret minħabba l- barranin kibru l-bżonnijiet, żdied l-iskart, żdiedet id-domanda għal ikel u kommoditajiet oħra u għal ċerta servizzi. Żdiedet ukoll id-domanda għall-akkomodazzjoni prinċipalment appartamenti. Kulħadd irid jikri u tgħallimna terminu ġdid: – ‘rental investment’ . U dan minnu nnifsu jżid ix-xogħol u d-domanda għall-ħaddiema. Dan kollu jfisser illi l-maġġor parti tal-ħidma tal-ħaddiema barranin qed tissostanzja l-bżonnijiet ġġenerati mill-għajxien tagħhom stess fi gżiritna.

    Ir-riperkussjonijiet ta’ dan huma ovvji. Il-barranin qegħdin jgħixu f’pajjiżna forsi ftit aħjar minn pajjiżhom għax għall-anqas għandhom xogħol garantit. Xogħol li kif rajna ħafna drabi qed jiġi ġġenerat mill-preżenza tagħhom stess f’pajjiżna, għaliex kieku ma hawnx daqshekk barranin ċerta akkomodazzjonijiet ma għandniex bżonnhom u ċerta xogħol ma għandniex bżonnu. Mhux se nidħol dwar il-vantaġġi jew l-iżvantaġġi tat-taħlit ta’ kulturi, però konvint li l-barranin qed iħallu impatt mhux dejjem mixtieq fuq is-soċjetà Maltija. L-isplużjoni fil-prezzijiet tal-kera hi eżempju klassiku. Żjara fl-awli tal-Qrati kriminali tagħtik eżempju ieħor. Hemm riperkussjonijiet oħra li jinħassu fil-long term.

    Nammetti li l-vit ma nistgħux nagħlquh għalkollox (l-anqas jekk irridu ma nistgħu) iżda ċertament min għandu l-vit f’idejh jista’ u jaf kif inaqqaslu ftit.