Gvern li fil-pandemija abbanduna lil uliedna

    Uffiċjalment kollox jinsab lest biex xahar ieħor jiftħu l-iskejjel Maltin. Iżda kemm hu tassew hekk? U l-ġenituri jħossuhom moħħhom mistrieħ li l-awtoritajiet ċivili għandhom il-qasam tal-edukazzjoni taħt kontroll matul dan iż-żmien?

    Fil-bidu tal-pandemija l-Prim Ministru prova jikkonvinċina li dan il-virus ma kien xejn gravi, tant li l-ajruport tħalla miftuħ b’mod indiskriminat għal wisq żmien u kien biss meta ra li l-ġenituri ħadna, kontra qalbna, id-deċiżjoni li messu ħa hu, li baxxa rasu għar-realtà u għalaq il-bini ta’ l-iskejjel.

    Iżda aħna l-ġenituri żgur ma ridniex li l-edukazzjoni ta’ wliedna tieqaf. Għalkemm l-ebda sistema ma tista’ tissostiwixxi l-edukazzjoni kompluta li wliedna jistgħu jieħdu fil-bini tal-iskola, illum it-teknoloġija tippermetti li mid-dar noqorbu xi ftit lejha.

    Għal uħud minn uliedna, wisq naħseb il-minoranza, l-edukazzjoni kompliet bl-aħjar mod possibbli fiċ-ċirkustanzi. Iżda fejn hu responsabbli minnu l-gvern hu evidenti li ma kienx hemm pjanar adekwat u wisq anqas reazzjoni sodisfaċenti għat-tħarbit li ġab miegħu l-virus. Minn nofs Marzu ’l quddiem ammont inaċċettabbli ta’ tfal tħallew jinqatgħu totalment mis-sistema edukattiva. U minħabba l-inazzjoni tal-gvern f’dan il-qasam, it-tfal li kienu motivati xorta waħda kellhom opportunità ferm limitata biex ikomplu l-edukazzjoni tagħhom f’dan iż-żmien ta’ pandemija.

    Jien ma nistax nifhem għalfejn ftit wara li ngħalaq il-bini tal-iskejjel, il-gvern ħabbar li għall-kumplament tas-sena skolastika l-iskejjel kienu se jibqgħu magħluqa. Wara rriżulta li kien hemm ġimgħat lejn l-aħħar tas-sena skolastika meta r-rata tat-tixrid tal-virus kien tant baxx li kien jippermetti li t-tfal jerġgħu lura fl-iskejjel dment li jittieħdu l-prekawzjonijiet meħtieġa. Il-gvern kien għaġġel u ħela opportunità biex uliedna jieħdu l-edukazzjoni li tixraqilhom.

    Hu naturali u loġiku li kien hemm il-bżonn li jsir tentattiv biex l-iskejjel jerġgħu jinfetħu almenu f’Ottubru. L-ekonomija u l-edukazzjoni nnifisha hekk jitolbu. Però daqstant ieħor nara l-ħtieġa li wieħed ikun realistiku u jippjana għall-eventwalità li t-tfal ma jkunux jistgħu jmorru lura fil-bini tal-iskejjel jew li wara li l-iskejjel jinfetħu jkollhom jerġgħu jingħalqu.

    Kont nippretendi li matul ix-xhur tas-sajf il-Gvern iħejji pjan ta’ għajununa finanzjarja għall-familji biex kull tifel u tifla f’Malta jkollhom aċċess għall-internet u t-tagħmir elettroniku meħtieġ biex ikunu jistgħu jirċievu edukazzjoni adekwata mid-dar jekk l-affarijiet ma jmorrux kif nixtiequ. Kont nistenna li l-Gvern jagħti lill-edukaturi t-taħriġ meħtieġ biex ikunu jistgħu jkomplu jedukaw lil uliedna bl-aħjar mod possibbli f’każ li l-iskejjel jerġgħu jingħalqu.

    Bosta snin ilu konna nisimgħu l-islogan “Biex ħadd ma jibqa’ lura”. Illum dan it-twemmin la għadna nisimgħuh u wisq anqas ngħixuh. Wisq nibża’ li għal darb’oħra dan il-Gvern qed jinsa lil uliedna, speċjalment lil ulied dawk li jinsabu l-aktar fil-bżonn. Imbagħad niftakar li dan il-Gvern isejjaħ lilu nnifsu soċjalist…

    Robert Aquilina, President-Elett, Repubblika