Gvern Laburista, Gvern ta’ suċċess

    Il-fatti juru biċ-ċar li l-Gvern Laburista mmexxi minn Dr Joseph Muscat qed jikseb suċċess wara l-ieħor. Sadanittant, l-avversarji tradizzjonali tiegħu spiċċaw f’sitwazzjoni tal-biki. Il-Partit Nazzjonalista għaddej minn gwerra ċivili fi ħdanu li qatt ma rajna bħalha qabel: il-fazzjoni ta’ Dr Simon Busuttil kontra dik ta’ Dr Adrian Delia. Ejjew ħa nkunu onesti, qatt rajna kummiedja bħal dik li għadha kemm saret quddiem il-Monument tal-Assedju l-Kbir dan l-aħħar? – Waħda mill-familjari ta’ Daphne Caruana Galizia tibgħat lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista jixxejjer bil-kbarat kollha tal-Partit b’kollox, inkluż Louis Galea li suppost kellu jirriforma lill-PN? – U xi ngħidu għall-Partit Demokratiku? – Tista’ tgħid li sfaxxa kważi għal kollox issa li Marlene u Godfrey Farruġia telqu mill-Partit.

    Dan kollu ġara fl-isfond li l-Partit Laburista li qiegħed fil-Gvern tant mexa b’għaqal u bżulija li l-poplu Malti llum jarah bħala l-għażla naturali tiegħu biex imexxi l-pajjiż. Għandek ekonomija fejn il-Prodott Gross Domestiku (GDP) kiber minn 7 biljun euro fiż-żmien meta l-Partit Nazzjonalista spiċċa mill-poter għal 14-il biljun euro fiż-żmien tal-lum. Għandek partit fil-gvern li diġà beda x-xogħol fuq 65% tal-programm elettorali tiegħu. Għandek parteċipazzjoni tan-nisa fil-qasam tax-xogħol li issa laħqet 66.4%. Għandek qasam tas-saħħa b’aċċenn fuq il-kura primarja; bl-użu ta’ teknoloġija ġdida fil-fejqan tal-mard; u d-dħul ta’ ħafna mediċini ġodda. U xi ngħidu għall-Programm taċ-Ċittadinanza B’Investiment (“Individual Investor Programme”) li l-qliegħ minnu qed imur għall-Fond Soċjali u tal-Iżvilupp Nazzjonali biex jintuża, fost affarijiet oħra, għal skopijiet tal-edukazzjoni, is-servizzi tas-saħħa, l-akkomodazzjoni soċjali u l-pensjonijiet?

    Il-Gvern Laburista qiegħed ipoġġi fil-prattika l-mudell ta’ prosperità ekonomika b’ġustizzja soċjali. Jippremja l-bżulija tal-familji Maltin u jieħu ħsieb dawk li huma l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà, permezz ta’ miżuri li huma sostenibbli bħal dawk li rajna fil-Baġit għas-sena 2020. Ma ninsewx li statistika tal-Eurostat turi li mill-2013, in-numru ta’ nies f’riskju ta’ faqar naqas b’26,000. Mhux hekk biss, illum hemm 16-il pajjiż Ewropew li għandhom rata ta’ nies f’riskju ta’ faqar akbar mir-rata tagħna, fosthom il-Belġju, l-Italja, ir-Renju Unit u Spanja. Ma’ dan kollu, wieħed irid isemmi li qed tiġi upgraded l-infrastruttura fiżika u diġitali ta’ pajjiżna. Qed jissaħħu wkoll l-istituzzjonijiet pubbliċi, inkluża s-sistema ġudizzjarja. Malta qed tgawdi stabilità politika, ekonomija b’saħħitha u hija wkoll attrazzjoni għall-barranin, kif jixhed l-investiment barrani f’pajjiżna u n-numru rekord ta’ turisti li jżuruna.

    Gvern Laburista huwa wkoll gvern innovattiv li dejjem jesplora niċeċ ġodda ta’ kif jista’ joħloq il-ġid f’pajjiżna. Biżżejjed insemmi l-Fintech, ir-Regtech, il-Blockchain, l-Intelliġenza Artifiċjali, il-qasam tad-Drones, l-Internet of Things, u l-Istrateġija Nazzjonali tal-Ispazju. Huwa wkoll gvern li għandu għal qalbu l-ambjent. Għandna l-istrateġija nazzjonali biex il-Gżejjer Maltin ikunu “carbon neutral” sas-sena 2050. Għandna l-projbizzjoni tal-użu tas-single-use plastics li dalwaqt se tidħol fis-seħħ; għandna inizjattivi dwar it-tibdil fil-klima; u bdejna resqin lejn il-bidla ta’ karozzi li jaħdmu bil-petrol u d-diesel ma’ oħrajn elettriċi, eċċ.

    Għawdex ukoll għamel passi ta’ ġġant ’il quddiem taħt Gvern Laburista. Illum, il-ħaddiema Għawdxin isibu xogħol fi gżirithom stess u għalhekk mhux iridu bilfors imorru Malta għal dan il-għan. Dawk l-istudenti Għawdxin li jistudjaw Malta qed jiġu mgħejjuna rigward akkomodazzjoni u issa l-kumpanija Gozo Channel se tikseb ir-raba’ vapur b’mod permanenti biex anke l-vjaġġ bejn Malta u Għawdex ma jkunx stressanti minħabba kjuwijiet kbar biex tirkeb. Ma nistax ma nsemmix ukoll it-tisbiħ tal-pjazez ewlenin f’Għawdex u x-xogħol li qed isir fuq it-toroq.

    Permezz tar-riformi fil-liġi tal-kera, kif ukoll il-bini ta’ 2,400 unit tal-akkomodazzjoni soċjali, u għajnuna lill-koppji li jkunu jridu jixtru darhom, il-Gvern Laburista qiegħed jindirizza l-problemi fil-qasam tad-djar li kienu ilhom jifnu gvernijiet Maltin preċedenti għal numru kbir ta’ snin.

    Mela, ħbieb, inkomplu nuru fiduċja fil-Gvern Laburista u ma nħallux xi erba’ elitisti li jistħu anke jitkellmu b’ilsien art twelidhom jippruvaw jerġgħu jġibuna f’sitwazzjoni fejn igawdu numru żgħir ta’ nies fil-pajjiż filwaqt li l-piż tat-taxxi jaqa’ fuq il-batut u l-vulnerabbli fis-soċjetà.