Gvern Laburista ġdid: lejn bidla pożittiva – Zammit Marmara

    Sfortunatament, għad hawn numru żgħir ta’ Laburisti li donnhom ma jistgħux jifhmu l-qagħda serjissima li jinsab fiha pajjiżna. L-unika risposta li għandhom għall-kriżi preżenti hija li quddiem il-problemi kbar li qed niffaċċjaw bħalissa jgħajtu f’attentat fjakk ta’ bravura: “Viva Joseph!”. – Hemm bżonn nifhmu llum qabel għada li żmien Dr Joseph Muscat spiċċa u li rridu naħdmu għal bidla pożittiva li mhux biss tikkonsolida l-kisbiet kbar li akkwistajna taħt it-tmexxija ta’ Dr Joseph Muscat imma anke nirranġaw il-ħsara kbira li saret lil isem pajjiżna minħabba ċerti żbalji li saru.

    Inutli nagħmlu bħan-ngħam u ngħaddsu rasna fir-ramel, taparsi kollox miexi ħarir u ma ġara xejn. Għandna bżonn bidla fid-direzzjoni u bidla radikali. Il-kontinwità trid tkompli biss fis-suċċessi miksuba fl-ekonomija u fil-qasam soċjali. Imma f’ħafna affarijiet oħra rridu nibdew mill-bidu. Irid ikollna governanza tajba, trasparenza assoluta f’kull operat tal-gvern, istituzzjonijiet b’saħħithom u indipendenti, meritokrazija fil-mod kif jingħataw il-karigi pubbliċi, u, fuq kollox, jitnaddaf isem Malta fil-fora Ewropej u oħrajn internazzjonali.

    U jekk verament dawk li bdew kampanja ta’ protesti kontra l-Gvern Laburista jixtiequ l-aqwa ġid għal pajjiżna, għandhom jieqfu immedjatament mill-azzjonijiet tagħhom hekk kif jaraw li l-Mexxej ġdid Laburista ikun qabad it-triq biex iseħħ dan kollu li semmejt. Hemm bżonn li bħalma ċ-ċittadini komuni qamu jipprotestaw kontra ċerti nuqqasijiet serji tal-amministrazzjoni ta’ Joseph Muscat, hekk ukoll ma jittollerawx lil min għandu aġenda waħda unika: dik li jimmina kull gvern Laburista li jkun fil-poter.

    Il-bidla pożittiva f’pajjiżna tiddependi ħafna wkoll mill-Oppożizzjoni. Hemm bżonn li n-Nazzjonalisti jirranġaw is-sitwazzjoni fil-kamp tagħhom. Kif ngħidu bl-Ingliż: “they need to get their house in order”. Diffiċli li pajjiż jimxi tajjeb meta jkollok il-partit politiku prinċipali fl-Oppożizzjoni f’sitwazzjoni tal-biki, maqsum internament u dgħajjef. In-Nazzjonalisti jridu jerġgħu jġibu d-dixxiplina fi ħdanhom u jiġbdu ħabel wieħed mal-Gvern għall-ġid tal-pajjiż u ċ-ċittadini tiegħu.

    Naħdmu lkoll għal bidla pożittiva f’pajjiżna