Ġurnaliżmu dilettantesk

    Ma nistgħux niċħdu illi fiż-żmien tal-lum il-mezzi soċjali ħadu podju importanti f’ħajjitna. Illum il-maġġor parti tal-popolazzjoni tfittex il-mezzi soċjali. Issib anke nies li ma tantx huma ta’ skola jsegwu fuq Facebook u siti oħra. Il-media soċjali u l-użu aktar faċli tal-internet ta spinta ’l quddiem lil ġurnaliżmu. Fejn sa 15-il sena ilu l-aħbar ridt bilfors teħodha minn fuq il-gazzetta li trid tmur tixtri ta’ kull filgħodu, illum x’ħin ikollok aptit tidħol f’sit tal-mezzi soċjali jew f’sit fl-internet u tara u taqra liema aħbar trid u mil-liema pajjiż trid.

    Għalhekk nistgħu ngħidu illi f’dawn l-aħħar 15-il sena l-ġurnaliżmu ħa spinta ’l quddiem u ġie bżonnjuż aktar minn qabel għaliex id-domanda għalih kibret. Iżda bħalma jiġri f’affarijiet oħra, fejn jibda dieħel l-element tal-mass production il-livell u l-kwalità tal-ħaġa kultant jibda jonqos. U sfortunatament hekk kultant qed jiġri fil-ġurnaliżmu ta’ pajjiżna, fejn il-ġurnalisti kibru, u fejn il-ġurnali jew is-siti kibru.

    Il-kmamar tal-aħbarijiet saru tellieqa waħda biex iwasslu l-aħbar jew l-istejjer tagħhom qabel ħaddiehor.

    Fuq kollox saru tellieqa waħda kemm l-aħbar se jwassluha b’mod sensazzjonali sabiex tattira udjenza akbar. Dan kultant qed iwassal għal impreċiżjonijiet serji, f’aħbarijiet li jitwasslu b’mod ħażin bla ma jiġu meqjusa l-konsegwenzi. Hekk pereżempju tara każijiet fejn il-ġurnalist ikollu xi ħjiel ta’ xi investigazzjoni li tkun qed tagħmel il-Pulizija; jmur jiġri jippubblika bil-mod kif jifimha hu bil-konsegwenza li mhux biss toħloq sensazzjoni iżda li saħansitra tfixkel sew lill-Pulizija f’dik l-investigazzjoni.

    Ċertu ġurnaliżmu qed isir bl-għaġla u mingħajr ma jkun hemm dedikazzjoni ta’ ħsieb adekwata għalih. Il-ġurnalist qed ikun mgħaġġel biex jitfa’ l-artiklu mingħajr ma jiżen il-konsegwenzi għalih. U dan hu nuqqas li jmur kontra l-etika ġurnalistika.

    U la semmejna l-etika, ikolli nosserva li minn xi ġurnali u siti, l-etika ġiet mogħtija l-ġenb. Xejn ma niddejqu nħammġu lil dak u lil ieħor mingħajr ma ssir id-debita verifika. U aktar mal-pożizzjoni tal-persuna tkun għolja aktar inkunu lesti li nitfgħu tajn u noħolqu stejjer ibbażati fuq nofs veritajiet jew addirittura falsitajiet. Kien hemma anke okkażjonijiet li messejt magħhom jien fejn biex tiġi akkomodata persuna qrib tal-ġurnalist, jinħoloq artiklu li jħammeġ persuna oħra indebitament anke jekk dik il-persuna tkun persuna privata u l-allegazzjoni ftit li xejn tkun fl-interess tal-pubbliku. Dawn l-affarijiet qed narawhom ta’ spiss, f’ċerta ġurnali u siti aktar minn oħrajn. Ikolli ngħid li ċerta ġurnali jew siti li sa ftit żmien ilu kienu meqjusa bħala ta’ stoffa llum waqgħu fl-aktar livelli medjokri tal-ġurnaliżmu, għaliex għażlu li jkunu populisti aktar milli korretti.

    Barra minn hekk tiddejjaq tara ċertu ġurnali jew siti jiddeskrivu lilhom infushom bħala indipendenti meta fil-fatt ma jkunu indipendenti xejn anzi l-aġenda tagħhom tkun waħda ċara għal kulħadd. Il-ġurnaliżmu bbażat fuq l-ispekulazzjoni u fuq l-immaġinazzjoni jew fuq in-nofs veritajiet ma jagħmilx ġid fis-soċjetà, u kull editur jekk hu tassew professjonali għandu jara li kull aħbar jew storja li tgħaddi minn idejh għandu jkollha mis-sewwa u mhux sempliċiment intiża biex tħammeġ jew tallarma biss. Id-dritt tal-espressjoni hu wieħed mid-drittijiet fundamentali tal-bniedem u għalhekk huwa sagrosant. Barra minn hekk kulħadd għandu d-dritt li jkun jaf x’inhu jiġri madwaru. Iżda kull dritt għandu l-limitazzjonijiet tiegħu u kull ġurnalist jew editur għandu jkun mgħarraf sewwa fejn hi l-linja ta’ dawk il-limitazzjonijiet.

    Apparti l-każ ta’ aħbarijiet ħżiena li m’hemm l-ebda rimedju għalihom, il-kawżi fil-qrati sabiex wieħed inaddaf ismu jew jieħu kumpens ftit li xejn isolvu s-sitwazzjoni. Dan bħall-istorja tal-imħadda tar-rix, li xterrdet mar-riħ. F’dan ir-rigward ir-responsabbilità aħħarija taqa’ fuq l-editur li jekk irid iżomm il-livell tal-ġurnal jew sit tiegħu kif suppost għandu jaħrab dak li hu dilettantesk u jmur aktar għal dak li hu professjonali.