Għażiż Oliver,

    Quddiesa funebri ta' Prof. Friggieri; Ritratt: Miguela Xuereb
    Quddiesa funebri ta' Prof. Friggieri; Ritratt: Miguela Xuereb

    Ma kienx hemm għalfejn nagħmel appuntamenti biex niġi nkellmek fl-uffiċċju tiegħek. Bħal qalbek, il-bieb tal-kamra tiegħek fl-ewwel sular tal-fakultà tal-Arti dejjem kien ikun miftuħ. “Għaddi, għaddi. Poġġi bilqiegħda.” Kont tqum bilwieqfa biex tilqagħni u għalxejn kont ngħidlek biex tibqa’ bilqiegħda speċjalment meta fl-aħħar snin kont tqum minn fuq is-siġġu bi tbatija kbira. Bilkemm kont inkun irfist f’dik il-kamra li min jaf kemm semgħet għerf, li minnufih kont tara xi ktieb se tnewwilli. “Għandek minn dan, Bertram?” Kont nistħi minnek. Hekk dejjem nafek… dejjem tagħti… kitbietek, ħsibijiet, ħinek u dak kollu li int. Ħajtek kienet għotja totali mhux biss meta kont tgħallimna fiż-żmien li qattajna fl-Università, iżda aħna bqajna dejjem l-istudenti tiegħek. Kont tħobbna daqs uliedek u tixtiqilna l-akbar ġid u suċċess f’ħajjitna.

    Meta nhar is-Sibt smajt b’aħbar it-tluq tiegħek minn din l-art, għall-ewwel pruvajt imwemmen lili nnifsi li f’din Malta tagħna jeżisti xi Oliver Friggieri ieħor u mhux int. Iżda għalxejn pruvajt inbella’ lili nnifsi din il-ħrafa, għax bħalek wieħed hawn u ma jkunx hawn ieħor. Kelli nipprova nniżżel l-aħbar. Għadu s’issa ma rnexxilix.

    Int kont wieħed minn dawk li verament ħaqqek it-titlu ta’ Professur. M’għallimtniex biss il-letteratura, il-kritika letterarja, is-sengħa tal-kitba u dwar Dun Karm li tant kont tħobb. Għallimtna fuq il-ħajja. Għallimtna xi tfisser li tkun bniedem, li tkun Malti, li tkun Nisrani u li tkun kburi b’dan kollu. Kont ukoll professur għax għaraft l-għerf fi Kristu Msallab li dejjem żammejtu mudell għal ħajtek. Il-Golgota kienet għalik it-triq ta’ kull min hu poeta għax bħal Kristu, kont tħoss għall-batut u għall-imjassar.

    Tlifna ġgant li jaf xi tfisser li tkun uman.

     Kont ġgant ġentlom u b’qalb kbira. Fil-kobor tiegħek, għallimtna l-umiltà. L-umiltà kienet tasal qablek u kienet it-tapit aħmar li fuqu kont tagħżel li timxi. Għanejt lin-nazzjon tagħna b’letteratura għanja u sadanittant bqajt dejjem umli.

    Il-lezzjonijiet tiegħek ma kinux tal-Malti biss. Kont tipprattika dak li kont tgħallem. Kont tgħidilna: “Permezz tal-Malti, għallmu l-ħajja.” U hekk kont tagħmel int. “Ma’ Oliver imissna issa.!” konna ngħidu b’gost qabel xi lecture minn tiegħek. Konna nafu li mhux se naħlu siegħa, iżda f’dik is-siegħa konna se nisimgħu kliem ta’ għerf; mhux għerf tal-kotba, imma għerf uman li kont tgħaddihulna bi mħabba u b’sempliċità imżewqa b’xi ċajta li biha kont tifqagħna bid-daħk.

    Naqqaxt marka f’qalbna li se tibqa’ hemm sa ma nerġgħu niltaqgħu mill-ġdid. Konna nħobbuk u konna nqisuk missierna fil-Malti u n-nannu tagħna li tant nieħdu gost bil-kumpanija tiegħu. Għajnejk kienu jixegħlu kif kont tara lilna l-istudenti. L-għaxqa tiegħek kienet li tkun magħna. U anki wara li gradwajna, bħan-neputijiet li jmorru b’ferħa li jżuru lin-nannu għażiż tagħhom, hekk konna niġu nittawlulek u inti, bħan-nanniet, qatt ma kont tibgħatna lura b’idejna vojta. Żgur li lkoll se nibqgħu ngħożżu l-kotba u t-tpinġijiet li għaddejtilna u aktar u aktar il-kliem mimli għerf u profondità li bih konna noħorġu minn kamartek. Ma nqisx lili nnifsi li kont student tiegħek għal tliet snin biss, iżda b’unur inħossni student dejjiemi hekk għax bil-wirt li ħallejtilna, se nibqa’ nitgħallem mingħandek.

    Għallimtna kif tkun uman b’qalb li tħabbat mhux biss għall-bnedmin imma anki għal nemla li qed tintrifes u tweġġa’. Għallimtna nħarsu lejn il-Ħallieq fit-tbatijiet tagħna. Inti wkoll kont ħallieq. Ħloqt mhux biss ġmiel ta’ kitba imma kont toħloq tama u tbissima fina l-istudenti tiegħek. Bħall-Ħallieq inti wkoll kont tbati fis-skiet u inti wkoll ġarrejt is-salib u dejjem bi tbissima.

    Għallimtni nemmen fl-istudenti tiegħi u ninkuraġġihom.

     Kieku nista’, kont nirrekordja kull kelma li toħroġ minn fommok għax kull kelma kienet tkun mimlija għerf; mhux għerf tal-kotba għalkemm minn dan kellek bil-bosta, imma għerf tal-ħajja, tal-bniedem li jħoss.

    Jekk il-fjuri ta’ kitbietek mhux se jinxfu, wisq iżjed mhix se tinxef il-fjura li nibtet fil-Ġenna nhar is-Sibt li għadda. Inti żgur fjura li ma tinxifx u jekk fil-parlament ma jikbrux fjuri, int fjura li kont tikber kull fejn tpassi.

    Minn jaf b’liema gost smajt il-leħen dak li tant kont tħobb jgħidlek: Idħol qaddej tajjeb u fidil. Qed nimmaġinak tisħti kif tisma’ dan il-kliem għax tgħid li ma jistħoqqlokx tisimgħu, imma aħna nafu li jistħoqqlok u fuq li jistħoqqlok.

    Ippermettili nagħlaq b’talba lill-Mulej billi nissellef silta minn kitbietek u l-kliem li tlabt bih lill-Mulej għall-għażiża ommok li tant kont tħobb, naddattah għalik.

    Le, ma tistax Mulej, lil dan ir-raġel
    ma ssiblux xi post fl-ewwel filliera
    tal-ġenna tiegħek. Jekk il-patrijarki,
    il-verġni w il-profeti w l-irjus l-oħra
    diġà ħadulek dan l-ispazju, qajjem
    xi ħadd minn hemm u qiegħed lilu f’postu.
    Hekk biss isir il-ħaqq ma’ dan ir-raġel.

    Strieħ fis-sliem Prof.
    Strieħ fis-sliem mgħallem.
    Strieħ fis-sliem għażiż Oliver!