Għażiż Adrian

    Għażiż Adrian,
    Ħadt gost ħafna li wara li lbieraħ esprimejt id-diżappunt tiegħi pubblikament (fuq Facebook) dwar dokumenti li ġew ippubblikati mill-gazzetta Malta Today, inti ċempiltli u għal darb’oħra, b’paċenzja kbira, qgħadt tispjegali l-verżjoni tiegħek biex tipprova sserraħli moħħi dwar is-sehem tiegħek f’din l-istorja.
    Ħadt gost bik għax nemmen li hekk għandu jagħmel min jaspira li jkun politiku meta ffaċċjat bi kritika, mistoqsijiet u dubji, leġittimi u mhumiex.
    Jien li ġej minn karriera twila fil-ġurnaliżmu naf li kull storja ppubblikata tista’ ma tkunx l-istorja kollha u li apparti d-dokument li rajna jaf ikun hemm oħrajn li jistgħu jixħtu dawl differenti fuq kwalunkwe storja, inkluż din. Għaldaqstant, ikkonċedejtlek għal darb’oħra l-benefiċċju kollu tad-dubju.
    Dan anke għaliex, kif taf, għandi rispett lejk u għandi rispett ikbar għall-fatt li inti kandidat għall-ogħla kariga fil-partit tagħna.
    Ħadt gost ukoll li t-tnejn li aħna esprimejna fiduċja sħiħa fil-kapaċitajiet analitiċi u fl-integrità tal-Kumitat Konsultattiv dwar l-Imġiba Xierqa u Etika tal-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Dr Louis Galea.
    Ħadt gost iktar u iktar meta sirt naf li apparti l-ispjegazzjonijiet tiegħek, il-membri ta’ dal-kumitat ingħataw aċċess għal iktar dettalji u dokumenti minn dawk li stajna naraw fil-gazzetti u fil-bloggs. B’hekk dawn setgħu jaslu għal konklużjoni ferm iktar infurmata milli qatt stajt nasal jien u kull min qed isegwi din l-istorja minn barra.
    Ħadt gost li qbilna li se nħallu lil dan il-Kumitat jasal għall-konklużjonijiet tiegħu u li b’serenità se nkunu qed nagħrbluhom, nifhmuhom u naċċettawhom.
    Fl-aħħar tat-telefonata tajtek kelmti li jien se nkun qed nimxi skont ma joħroġ minn dan ir-rapport. Qed niktiblek biex ngħidlek li bħal dejjem, jien kelmti se nżommha u qed nippubbika din l-ittra biex inħeġġeġ lill-kunsilliera u lit-tesserati tal-partit jagħmlu bħali u jaqraw sew dan ir-rapport ħalli dwar il-kandidatura tiegħek ikunu jistgħu jieħdu deċiżjoni infurmata.
    Nagħlaq billi ntennilek kemm jien kburi li nifforma parti minn partit li mhux biss jemmen bil-paroli fil-prinċipji tal-ġustizzja, tad-demokrazija u tas-sussidjarjetà, imma huwa kapaċi jpoġġihom fil-prattika anke fl-iktar mumenti diffiċli.
    Norman

    Norman Vella huwa kandidat tal-PN għall-Parlament Ewropew u għall-elezzjoni ġenerali.