Għandna għażla?

    Il-ħajja hi sabiħa…Il-bżulija, l-għaqal u li tkun kburi b’ dak li jirrikonoxxik b’ identità  huma kwalitajiet li ta’ spiss nesprimi ruħi dwarhom…huma kwalitajiet li meta wieħed iħaddanhom, daqstant ieħor isebbħuk.
    Qiegħed fi ġnien mgħasses minn ħitan għolja tas-sejjieħ ta’ dar majestuża bi stil arkitettoniku li jmur lura għal żewg sekli żgur. Ninsab bilqiegħda fuq rikkieba ma’ ġenb rixtellu tal-ħadid imdawwar minn għexieren ta’ siġar tal-larinġ. F’ħoġri għandi t-tablet elettroniku mgħarraq tiegħi, liema tablet daq il-ġrajja tal-ħajja parlamentari sa mill-bidu nett tagħha. Kos, jekk it-tablet jirrakkonta ġrajietu żgur tinteressa l-kurżità ta’ bosta. Bil-lajma qed nittajpja dan l-artiklu, pjuttost ħosbien.
    Dan hu l-ewwel blog tiegħi u għalkemm donni nixtieq nikteb fuq diversi suġġetti li jfeġġu wieħed wara l-ieħor f’ moħħi, spiss qed nispiċċa nifrex ħarsti l’hawn u l’hinn, donni se nsib ħsibijieti miktuba fuq il-weraq tas-siġar. Ma nistax ma ninnottax is-safa’, il-ġmiel naturali, il-ħemda kultant miksura mit-tisfir tal-għasafar u l-għaxqa tal-ftuħ tal-madwar. Dlonk ġieni ħsieb. Tajjeb: ‘din hi t-tema tal-artiklu’ għidt bejni u bejn ruħi.
    Fl-aħbar tal-istampa u x-xandir ta’ spiss qed niltaqgħu ma’ ġonna u djar simili, iżda li b’differenza minn dan il-post, qed isibu sehemhom mid-daqqa mortali tal-mannara tal-bojja, li l-alla tagħha huma l-flus. Il-kult tal-ġebla ħakem lill-pajjiżna f’ferneżija ta’ bini, qisu għada mhux ser jisbaħ. Kos, id-dehra mill-bogħod ta’xi wħud mill-bliet u rħula ma għadhomx iddominati mill-koppli tal-knejjes tagħna, iżda minn tower cranes iħufu l’hawn u l’hinn itellgħu bini għoli. Ninnotta li f’ħakka t’għajn qed jiddgħajjef il-kapital arkitettoniku u natural ta’ pajjiżna. Dan hu r-ritratt ta’ kwadru li pajjiżna jinsab fih u li qed jaraw uliedna. Donnu mingħajr dan il-mutur ekonomiku, pajjiżna ma jkampax.
    Bejni u bejn ruħi komplejt  nhewden…”hekk jew mhux hekk?”. Dan mhux ħlief eżempju ċar, fejn l-interessi tal-individwu m’humiex l-istess bħall-valuri tas-soċjetà. Sirna soċjetà personalizzata wisq. Fejn hi s-sostenibiltà? Imma ngħid jien, komuni bejn dawn iż-żewġ dimensjonijiet, l-interessi u l-valuri, jeżisti n-norm tas-soċjetà, jiġifieri dak li hu mistenni minna lkoll…u tal-inqas ghaliha, l-identità u l-karatteristiċi li jgħarfu lill-pajjiżna huma ġawhar prezzjużi.
    Inħares lejn l-Awtorità tal-Ippjanar u nara monstru anti-legali, inħares lejn l-ERA u nilmaħ tigra mingħajr snien, inħares lejn is-Supratendenza u kultant inħoss id-dehxa tal-waħx u fl-aħħar u mhux lanqas, indawwar għonqi lejn it-tribunal u nilmaħ l-id it-twila…u meta niffokka lejn id-direzzjoni politika tal-Gvern nara politika ta’ anti-verità, ipokrità u post-verità.
    Imma għiduli. Kif tista’ tagħmel dan kollu mingħajr ma jitfassal Masterplan ta’ Pjan Nazzjonali? Fejn huma l-impatti soċjali, ambjentali u servizzi ta’ utilitajiet? Fejn hu l-ippjanar urban fuq skala nazzjonali li jagħti direzzjoni riċirkata fejn għandu jinbena bini għoli u mhux? Imma kif tista’ qatt tasal biex tistabbilixxi b’mod realistu li pajjiżna għandu bżonn tant appartamenti ta’ ċertu klassi u tant uffiċini mingħajr ma tagħmel projections? Lanqas pjan reġjonali ta’ Paceville u l-madwar ma konna kapaċi nagħmlu? Eh il-lobby group għandu wisq aktar poter mill-NGOs u s-soċjetà ċivili.
    Il-Partit Demokratiku tal-Oppożżizjoni ppreżenta mozzjoni, li t-titlu tagħha hu National Master Plan, iżda sa issa la l-Gvern u lanqas l-Oppożizzjoni PN ma ressquh fuq il-mejda tal-Kamra għad-dibattitu. Dan il-fatt jagħmilhom kompliċi fid-delitt. Anzi ninnotta li t-tnejn li huma, huma sħab fil-voti li jagħtu fil-bord tal-PA fuq proġetti ta’ bini għoli ħafna. Min jaf għaliex? Minn mistoqsija Parlamentari (3753) li għamilt jirriżulta li s’issa daħlu 22 applikkazzjoni għal bini għoli mifruxa madwar Malta. Inħares lejn ir-ritratt kwadru ta’ erba’ snin oħra u tistgħu taħsbu x’ser naraw.
    Mistoqsija Parlamentari (3752) għamit ohra, din id-darba dwar is-Superintendenza. Ikolli ngħid li r-risposta ħallietni ftit jew wisq bla kliem. Is-Superintendenza ‘għandha dritt aħħari’ li żżomm proġett milli jsir ‘meta dan ikun ta’ raġuni storika’. Nieqaf hemm u nħalli lilek qarrej tirrifletti…Fi ħmien qasir se titressaq mozzjoni oħra mill-Oppozzizjoni tal-PD, dik li tħares l-ODZ ta’ Malta u Għawdex kollu b’ mod sostenibli u komprensiv biex b’hekk inkunu qed nissiġillaw prosperità lil ta’ warajna. Imma jien tal-fehma li s-sostenibiltà  ambjentali għandha garanziji leġislattiv fuq livell ieħor ukoll, dak Kostituzzjonali. Fil-proposti tal-PD dwar ir-riforma kostituzzjonali, tal-oranġjo qed jirrikmandaw li s-saħħa ambjentali għandha titqies bħala dritt fundamentali tal-bniedem u għalhekk kull gvern għandu jkun kontabbli biex dan iseħħ.
    Erġajt ħarist lejn il-larinġ fil-ġnien, dik il-frotta bnina Maltija … u tbissimt. Ħarist lejn is-smewwiet imsaħħba…u ħassejt l-ewwel qtar tax-xita.
    Ħbieb qarrejja, huma l-kwalitajiet ta' tmexxija li jgħarfu mexxej minn ieħor u li fl-aħħar mill-aħħar jagħrfu dik il-persuna li verament qed iħares l-interess pubbliku u l-ġid komuni li hu tagħna lkoll. F’dan l-artiklu rreferrejt għal diversi mexxejja: politiċi u eżekuttivi. Ilkoll għandhom dover li jħarsu l-prosperità ġejjiena ta’ ġensna għax li hu tagħna llum hu wirt ta’ missirijietna. Nemmen ħafna fil-progress u naħdem favuru iżda dan għandu dejjem ikun meqjus sew.
    L-ambjent Malti għandu karatteristiċi uniċi li għandhom prezz ukoll. Id-daqs u d-demografija ta’ pajjiżna jiddettaw għażla, għax l-opportunitajiet joħolqu sfidi.. sfidi li jitolbu bżulija u għaqal…
    Sliem u saħħa.
    Dr Godfrey Farrugia huwa Membru Parlamentari tal-Partit Demokratiku