Għaliex nibqa’ dejjem nivvota Labour – Zammit Marmara

    Jien wieħed minn dawk li ħassejtni verament ixxukkjat b’dak li ġie żvelat dan l-aħħar dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Però, mill-ewwel irriflettejt li l-iżbalji ta’ grupp żgħir ta’ nies m’għandhom qatt jitqiesu wkoll bħala l-iżbalji tal-eluf kbar li jappoġġjaw lill-Partit Laburista.

    Issa l-Partit Laburista se jkun qed jagħmel bidu ġdid taħt Mexxej ġdid. Jiena nittama li dan il-bidu ġdid jgħin lill-Partit Laburista jirranġa dak li kellu ħażin tul dawn l-aħħar snin. Ngħiduha kif inhi: il-Partit Laburista fil-gvern għamel ħafna ġid mas-saffi kollha tas-soċjetà Maltija. Madankollu, xorta kellu ċerti difetti illi huwa importanti ħafna li wieħed jindirizzahom immedjatament.

    Naħseb li dawn huma:

    1. Il-PL irid iżomm id-distanza minn mal-businessmen. Jgħinhom iva, ikun qrid ħafna tagħhom le. Ipoġġi l-interessi tagħhom qabel taċ-ċittadini l-oħra le.
    2. Hemm bżonn ukoll li l-Partit Laburista joqgħod attent lil min jaċċetta fi ħdanu. Ma jagħtix bis-sieq lil min dejjem kien leali u ħadem mingħajr ma fittex l-interess personali, biex imbagħad jaġevola lil min daħal fil-Partit mhux għaliex jemmen fl-ideal Laburista imma għall-gwadann personali.
    3. Il-PL irid jagħti aktar importanza lill-protezzjoni tal-ambjent u l-patrimonju storiku u kulturali. Il-poter u l-influwenza politika tal-iżviluppaturi hemm bżonn li jitnaqqsu u li jiġu kkontrollati.
    4. Irid isir sforz sostnut biex l-isem ta’ Malta mal-barranin jitnaddaf u jerġa’ jikseb l-istima u r-rispett li jixraqlu.
    5. Il-Partit Laburista jrid jitnaddaf minn dawk l-elementi kollha li għandhom l-inqas rabta mal-korruzzjoni jew dell ikrah fuqhom ta’ nuqqas ta’ governanza tajba. Ikunu min ikunu, minn l-ogħla wieħed sal-inqas wieħed fil-Partit.
    6. Neliminaw darba għal dejjem il-marmalja ta’ Facebook u kull tip ieħor tas-Social Media. Nies li jinqalgħu biss biex jinfexxu fit-tgħajjir ma’ min ma jaqbilx magħhom. Nies li ma jagħmlux unur lill-Partit Laburista.

    Jiena nemmen li jekk isir dan l-eżerċizzju meħtieġ għat-tiġdid tal-Partit Laburista, Malta jkollha Gvern b’saħħtu u li jagħmel unur lil pajjiżna. Sar ħafna ġid u progress, ħafna Maltin qed igawdu l-prosperità, ejjew mela nibnu flimkien fuq il-ġid li nħoloq.

    Nittama wkoll li jkollna lil Chris Fearne bħala l-Mexxej Laburista ġdid u l-Prim Ministru ta’ Malta għaliex nemmen li għandu l-kwalitajiet kollha meħtieġa biex imexxi lill-Partit Laburista, lill-Gvern Laburista u lil Malta u Għawdex lejn ġejjieni sabiħ.

    Hemm xi alternattiva oħra? – Il-Partit Nazzjonalista? – Liema wieħed? – Il-fazzjoni ta’ Adrian Delia? – Il-fazzjoni ta’ Simon Busuttil? – Is-segwaċi ta’ Daphne Caruana Galizia? – Ħa nieqaf għax rasi qed iddur bija! – X’taħwid!

    U għalhekk, b’konvinzjoni assoluta, nibqa’ nivvota Labour.