Għaliex nemmen li Chris Fearne huwa l-aħjar għażla – Zammit Marmarà

    Il-membri tal-Partit Laburista dalwaqt se jiġu msejħa biex jagħżlu Mexxej ġdid li se jkun ukoll il-Prim Ministru l-ġdid ta’ Malta. L-għażla hija bejn żewġ persuni ta’ stoffa kbira, Chris Fearne u Robert Abela. Nemmen li t-tnejn huma nies kapaċi ħafna imma nemmen ukoll illi fiċ-ċirkostanzi tant diffiċli tal-preżent huwa Chris Fearne li għandu l-kwalitajiet meħtieġa biex joħroġ lil pajjiżna mill-isqaq li daħal fih, jew aħjar: li daħħluh ftit nies fih.

    Robert Abela huwa politiku abbli ħafna wkoll imma nieqes mill-esperjenza kbira li għandu Chris Fearne u li kisibha sew bħala Ministru għas-Saħħa u anke bħala Deputat Prim Ministru. Iktar nara lil Robert Abela addattat għal xi pożizzjoni bħal dik ta’ Deputat Mexxej tal-Partit Laburista. Niftakru li Chris Fearne diġà għandu esperjenza kbira ta’ kif jitmexxa l-pajjiż għaliex issa ilu żmien mhux ħażin jissostitwixxi lill-Prim Ministru Joseph Muscat meta dan ikun barra mill-pajjiż jew, għal xi raġuni jew oħra, indispost.

    Niftakru wkoll li Chris Fearne għandu “track record” impekkabbli bħala Ministru għas-Saħħa. Huwa l-bniedem li qered ħafna waiting lists fil-qasam tas-saħħa; li għeleb l-isfida tal-mediċini “out of stock” u, mhux hekk biss, imma introduċa ħafna mediċini ġodda għall-fejqan tal-mard; li ta spinta lill-kura primarja; li taħtu sar investiment fl-infrastruttura u t-teknoloġija tas-saħħa; li ġab kundizzjonijiet aħjar għall-ħaddiema li jaħdmu f’dan il-qasam; eċċ.

    Chris Fearne huwa wkoll politiku totalment “nadif”. Huwa wieħed mill-politiċi li lanqas hemm dell wieħed biss ikrah fuqu. Huwa bniedem rettissimu f’dak kollu li jagħmel u dan kif jistgħu jixhdu dawk kollha li jafuh. Fi żmien diffiċli bħal dan li għaddej minnu pajjiżna bħalissa, għandna bżonn fit-tmun tal-pajjiż bniedem li kapaċi jixpruna l-bidla għall-aħjar li hemm bżonn issir mhux biss fi ħdan il-Partit Laburista u l-Gvern Laburista imma fil-pajjiż kollu u għall-benefiċċju tal-Maltin u l-Għawdxin kollha. Propju bħalissa għandna bżonn Prim Ministru b’karattru “no nonsense” bħalma huwa Chris Fearne. Prim Ministru li jwettaq bla telf ta’ żmien għax mhux meħtieġ li jitgħallem, għax diġà kien qed iwettaq dan it-tip ta’ xogħol u għalhekk jaf minn fejn għandu jgħaddi.

    Chris Fearne igawdi wkoll rispett kbir fost il-barranin, partikolarment fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Għalhekk, isib it-triq imwittija biex pajjiżna jerġa’ jkiseb isem tajjeb fost il-barranin wara l-ħsara kbira li saritlu f’dawn l-aħħar snin.

    Nemmen li taħt Chris Fearne ikollna Partit Laburista mimli entużjażmu, Gvern Laburista aktar b’saħħtu u pajjiż li jerġa’ jaqbad it-triq tas-suċċess, progress u prosperità.

    Tnejn fit-tellieqa: Fearne jew Abela għal Mexxej tal-PL