​Għaliex kburi li jien Laburist

    Joseph Muscat poster

    Kieku  kellkom  tistaqsuni  għaliex  nappoġġja  lill-Partit  Laburista  li  jinsab  fil-Gvern,  ir-risposta  tkun  waħda  sempliċi:  “Għaliex  illum  bis-saħħa  tal-Gvern  Laburista  l-ħajja  tal-Maltin  u  Għawdxin  kollha  hi  aħjar”.  Forsi  tkomplu  tistaqsuni:  “Imma  l-Gvern  Laburista  għamel  l-iżbalji,  le?”  –  U  nirrispondi  li  iva,  żbalji  saru  u  kultant  serji  wkoll,  imma meta  tħares  lejn  il-miżien  tat-tajjeb  u  l-ħażin,  malajr  tintebaħ  li  dan  ixaqleb  sew  lejn  in-naħa  tat-tajjeb.
    Ejjew  nibdew  bl-ekonomija.  Din  illum  hija  fost  l-aħjar  fl-Ewropa.  Hawn  il-prosperità fil-pajjiż  kollu.  Illum  tista’  tgħid  li  l-qagħad  lanqas  biss  għadu  jeżisti.  Tiftakruh  dak  il-billboard  tan-Nazzjonalisti  ta’  qabel  l-Elezzjoni  Ġenerali  tal-2013  bil-kliem  “Labour  Won’t  Work”  u  li  juri  kju  ta’  nies  qed  jistennew  biex  jirreġistraw  għax-xogħol?  –  Kemm  marru  żmerċ hux?
    Imma  l-ekonomija  soda  mhix  kollox  u  dan  il-Gvern  ħaseb  ukoll  għall-qasam  soċjali.  Staqsu  lill-pensjonanti,  lis-single  mothers,  lill-istudenti,  lin-nies  diżabbli,  lin-nisa  tad-dar  u  anke  dawk  li  jaħdmu,  lil  kull  klassi  ta’  ħaddiema  u  anke  min  iħaddem.  Kollha  jgħidulek  li  llum  il-kwalità  tal-ħajja  tagħhom  hi  ferm  aħjar  minn  kif  kienet  qabel  taħt  gvernijiet  Nazzjonalisti.
    Forsi  tgħiduli:  “Imma  għad  baqa’  min  jista’  jkun  aħjar,  min  ma  nistgħux  inkunu  kuntenti  bil-mod  kif  qed  jgħix.”  –  Veru  wkoll.  Il-faqar  qed  jinqered  ftit  ftit  imma  għadu  jeżisti.  Li,  pereżempju,  ikollok  familja  tgħix  ġewwa  garaxx  mhix  xi  ħaġa  aċċettabbli.  Imma  ejjew  inkunu  onesti  u  nammettu  li  dawn  il-każijiet  huma  ftit.  Madankollu,  jibqa’  l-fatt  li  anke  każ  wieħed,  għalija  huwa  żejjed  għaliex  irridu  naċċertaw  li  ħadd  ma  jispiċċa  jgħix  hekk.  Nistgħu  nserrħu  moħħna  li  l-Gvern  Laburista  qiegħed  jistinka  biex  jeqred  il-faqar  u  anke  problemi  relatati  bħal,  ngħidu  aħna,  il-prekarjat  fil-qasam  tax-xogħol.
    Il-Gvern  Laburista  huwa  wkoll  Gvern  li  qed  jagħmel  minn  kollox  biex  tinqered  kull  diskriminazzjoni  soċjali.  Għaliex  għandek  tiġi  ttrattata  b’mod  inferjuri  għaliex  inti  mara?  –  Jew  b’disprezz  għaliex  inti  gay?  –  Jew  b’attitudni  razzista  għaliex  il-kulur  tal-ġilda  tiegħek  huwa  differenti?  –  Żgur  li  dan  il-Gvern  huwa  l-iktar  wieħed  li  qatt  ħadem  biex  jeqred  kull  tip  ta’  diskriminazzjoni  soċjali.
    Fl-aħħarnett,  jidher  ukoll  li  f’dawk  l-oqsma  li  forsi  fihom  nistgħu  nkunu  aħjar,  eż.  Il-ħarsien  tal-ambjent,  il-governanza  tajba,  teżisti  r-rieda  tajba  biex  isir  il-progress  meħtieġ.  Jien  għandi  fiduċja  fil-Prim  Ministru,  Dr  Joseph  Muscat,  u  fil-membri  kollha  tal-Gvern  preżenti.