Għal min issallab Kristu

    Bil-Malti għandna din l-espressjoni li fl-opinjoni tiegħi ma tantx hi feliċi: "Ara għal min issallab Kristu!" Normalment tingħad fil-kuntest ta' rabja jew disprezz lejn xi persuna li fl-opinjoni tagħna tant hi ħażina jew injoranta jew stramba li s-sagrifiċċju tal-Mulej Ġesù fuq is-salib kien moħli fuqha.
    F'din il-Ġimgħa Mqaddsa fis-Sena Ġubilari tal-Ħniena, madanakollu, nixtieq naqsam magħkom riflessjoni żgħira li torbot din l-espressjoni dispreġjattiva mal-grajjiet li niċċelebraw f'dan iż-żmien tas-sena.
    Xi sentejn ilu, nhar il-Ġimgha l-Kbira wara nofsinhar, kont fi triqti lura lejn il-Mosta mill-Mellieħa fejn iċċelebrajt il-funzjoni solenni tat-3pm mal-komunità tal-Brothers ta' De La Salle. It-toroq kienu kważi għalkollox battala mit-traffiku u soqt mill-bajja tax-Xemxija. Quddiem xi ħwienet tax-xorb u kafetteriji, numru ta' persuni kienu bilqeghda, b'xi pinta birra quddiemhom. L-iktar avventurużi fosthom (nassumi li kienu turisti) ħadu l-okkażjoni tal-bnazzi tar-rebbiegħa biex jinżgħu fuq il-laħam, jew sal-flokk ta' taht, forsi jieħdu ftit kulur.
    Nistqarr li l-ewwel ħsieb tiegħi kien ta' ġudizzju: "Ara għal min issallab Kristu!" Kieku kienet ġurnata kwalunkwe ma kont inħoss xejn dwarhom: pjuttost kont napprezzahom… wara kollox, lager wara l-iehor, l-ekonomija ddur! Iżda l-fatt li kienet il-Ġimgha l-Kbira ġegħlni niġġudikahom, ironikament (flok inqishom b’mogħdrija).
    Imbagħad dħalt fija nnifsi u rriflettejt li wara kollox jista' jkun li l-anqas biss jafu li hi ġurnata differenti mill-oħrajn (forsi għalihom sempliċi holiday, flok holy day). Forsi għalihom l-aspett reliġjuż tal-ħajja huwa sekondarju, jekk mhux għalkollox assenti. Forsi wkoll mhumiex Kristjani u allura l-Ġimgħa l-Kbira hija sempliċiment ġurnata bħall-oħrajn għalihom: bid-differenza li jinsabu Malta fuq btala u allura landa birra fix-xemx ħadd m’hu se jċaħħadhom minnha! Bħall-każ magħruf ta’ turist li ried jidħol fi knisja f'lokalità turistika hawn Malta liebes biss par shorts, żaqqu barra. Meta s-sagristan prova jispjegalu li f'post qaddis wieħed irid jilbes diċenti, dat-turist pront ipponta lejn il-kurċifiss kbir meqjum fuq l-artal u qallu: "Dak mhux żaqqu barra wkoll?" 
    Sa ma wasalt il-Mosta r-riflessjoni kompliet tberren f'moħħi: għax għal min issallab Kristu, wara kollox? Mhux għal dawk il-persuni wkoll? Tassew li forsi ma jafux bih, u li s-sagrifiċċju tiegħu ma jfisser xejn għalihom. Forsi għalihom huwa biss persunaġġ storiku, daqs Genghis Khan jew Mahatma Gandhi. X’ħasra: li xi darba, xi ħadd ħabbek tant li ta ħajtu għalik, u int l-anqas taf bih!
    Iżda l-injoranza tagħhom (jew in-nuqqas ta’ interess) ma ċċaħħadhomx milli huma wkoll ikunu oġġett tal-imħabba u l-ħniena feddejja ta' Alla. Dakinhar ikrah u mudlam (imma fl-istess ħin qaddis u glorjuż) fuq il-Golgota, Kristu ma kkunsmax is-sagrifiċċju tiegħu biss għall-ftit ħbieb simpatizzanti li telgħu l-Kalvarju miegħu; wara kollox kif qal hu stess, it-tabib jeħtiġuh il-morda, u Bin il-Bniedem ġie jfittex u jsalva l-mitluf! Dakinhar Kristu miet għall-ħżiena u t-tajbin, għal dawk niedma minn dnubiethom daqs kemm għal dawk li ġew jaqgħu u jqumu u komplew b'ħajjithom. L-għażla tibqa’ f’idejn il-bniedem, jekk jaċċettax din il-ħniena jew le.
    Id-darba li jmiss li xi ħadd jirrabjani tant li jgħaddili l-ħsieb "Ara għal min issallab Kristu!", nipprova niftakar li iva, għal dak il-bniedem ukoll issallab Kristu; u fuq kollox għalija li jien midneb u neħtieġ kuljum il-fejqan u l-maħfra tiegħU.

    Ilkoll Aħwa fi Kristu
    Fid-dawl tal-aħbar li ħarġet proprju dalgħodu dwar il-mewt ta' Monsinjur Arċisqof Emeritus Ġużeppi Mercieca, nixtieq nieħu wkoll din l-opportunita' biex insellem lil dan il-bniedem kbir li tul tfuliti u żogħżiti kien ir-Ragħaj spiritwali ta' Malta. Kien hu li aċċettani bħala Seminarista fl-1997 u kien hu li ordnani Saċerdot fid-29 ta' Ġunju 2004. Kien hu wkoll li tani l-missjoni li mmur nispeċjalizza fil-Liġi Kanonika (is-suġġett tiegħu li hu dejjem ra skop pastorali kbir fih), u kien ta' inkoraġġiment matul dawk is-snin ta' studju, anki meta ma baqax hu l-Arċisqof ta' Malta u ħalla r-riedni f'idejn is-suċċessur tiegħu, il-maħbub Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona. 
    L-aħħar li rajtu kien fid-drinks tal-Milied tal-Kurja, tliet xhur ilu: kien fis-siġġu tar-roti u ma tantx kien jidher li qed jagħraf nies. Madankollu, huwa u ħiereġ, il-helpers tiegħu ġew lejja u qaluli li xtaq isellimli għax għarafni. Jien mort ħdejh, kommoss, u sellimtlu bħalma wieħed isellem persuna għażiża li ma tafx intix se terġa' taraha f'din id-dinja. Fil-fatt hekk ġara.
    Insellimlu minn hawnekk illum, mhux biss għal dak li għamel miegħi u ma tant ġenerazzjonijiet oħra ta' saċerdoti qabli (u warajja) imma għal dak li għamel għal Malta. Il-motto tiegħu, Ilkoll Aħwa fi Kristu, kien iħaddan il-missjoni li hu ta lilu nnifsu meta laħaq Arċisqof: li jkun aġent ta' rikonċiljazzjoni nazzjonali wara ħafna snin turbolenti, anki fir-relazzjonijiet bejn Knisja u Stat. Din il-missjoni wettaqha b'kuraġġ u determinazzjoni silenzjuża, anki fi snin ta' tensjoni kbira, u naħseb li nistgħu ngħidu li kellu suċċess fiha. 
    Lejn tmiem il-ħidma tiegħu bħala Ragħaj Spiritwali ta' Malta, donnu ddeċieda li kien hemm bżonn jagħmel emfasi ikbar fuq missjoni oħra: li jkun appostlu taż-żwieġ u l-familja Maltija. B'differenza minn ħafna fostna li kienu għadhom jaħsbu li "Malta Kattoliċissima", qisna aħna immune għal ċerti kurrenti madwar id-dinja  u fl-Ewropa, Monsinjur Mercieca mod profetiku ra fuq ix-xefaq it-theddid li kien qed joqrob għaż-żwieġ u l-familja f'Malta. U għamel mill-aħjar li seta' biex skont iċ-ċirkustanzi u l-possibilitajiet li kellu, jippriedka u jiddefendi l-familja kemm felaħ. Nemmen li jista' jmur quddiem il-Mulej b'rasu merfugħa u b'idejh mimlija. 
    Qaddej tajjeb u fidil, idħol fil-hena ta' Sidek (u meta tkun hemm, itlob għal Malta u Għawdex tiegħek).