​Għadu kemm għadda l-jum iddedikat għall-għarfien dwar l-AIDS…

    L-ewwel ta’ Diċembru huwa l-jum iddedikat għall-għarfien dwar l-AIDS madwar id-dinja. Issa ilna numru ta’ snin nqajmu kuxjenza dwar dan f’dan il-jum u naħseb ma baqa ħadd hawn Malta li ma jafx dwar din id-dedikazzjoni. Imma kif jgħaddi l-1 ta’ Diċembru donnu li ninsew kollox. L-għarfien irid aktar minn ġurnata fis-sena ddedikat sabiex iqajjem kuxjenza. Jinħtieġ impenn sħiħ mis-soċjetà.
    Ukoll, l-għarfien biss mhux biżżejjed sabiex issir il-bidla mixtieqa. Għalkemm fil-verita huwa l-ewwel pass  importanti li irid isir. L-edukazzjoni u d-diskussjoni fuq is-suġġett u li twassal għall-għarfien sabiex issir bidla fl-imġieba trid tkun ħafna aktar minn darba fis-sena meta nfakkru dan il-jum u minn ħafna aktar setturi varji fis-soċjeta. Il-Ministeru tas-Saħħa jwassal il-messaġġi tiegħu imma r-responsabbilta hija aktar wiesa minn hekk. Għandha tingħata importanza minn kull min hu nvolut fl-edukazzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ tagħna (skond l-eta) u parti ntegrali mill-preparazzjoni għall-ħajja nġenerali.  Dan irid jinkludi ukoll lill-ġenituri u allura dawn ukoll jinħtieġu li jkunu nfurmati sew.
    Il-messaġġ prinċipali huwa li ħadd ma jieħu ebda riskju u kulħadd ikun jaf eżatt x’għandu jagħmel biex jipproteġi ruħu. Iżda kemm nisimgħuha din id-diskussjoni? Kemm huma nvoluti l-ġenituri f’din id-diskussjoni. Forsi s-suġġett mhux daqshekk komdu sabiex titkellem fuqu imma jekk u meta xi ħadd jesperjenza dan il-virus, imbagħad ikollna nitkellmu.
    L-istatistika ppublikata mill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa  (WHO) flimkien maċ-Ċentru Ewropew għall-Kontroll tal-Mard (ECDC) tagħtna stampa inkwetanti ħafna fil-bidu ta’ Diċembru. Fl-2016 kellna 63 kas ġdid ta’ persuna infettata bil-virus tal-AIDS li minnhom 75% huma immigranti jiġifieri mhux mill-pajjiż (jew aħjar mhux minn Malta). Minbarra element ta’ diskriminazzjoni li smajt u qrajt, jidher li t-titlu ta’ immigrant ntuħ lil nies ta’ karnaġjon skur u mhux lil kull min mhux mill-pajjiż. Forsi għadna naħsbu li l-virus jagħmel distinzjoni bejn abjad jew iswed!
    Qrajt fuq mezzi tal-media soċjali kummenti bħal ‘min huwa nfettat bil-virus tal-HIV għandu jkollu marka biex turi dan (ma nafx…forsi xi forma ta’ tattoo?) Ixxukkjajt ruħi meta qrajt dan speċjalment meta niftakru li dawn il-mezzi ta’ marki fuq in-nies għamluhom in-nazisti waqt it-tieni gwerra dinjija. Ma sarux għall-istess raġuni, jiġifieri biex jindikaw infezzjoni imma biex jindikaw razza, imma għall-istess skop…li nimmarkaw lil dawk li mhumiex bħalna u allura jkun aħjar li wieħed jitbiegħed minnhom u ma jitħallatx magħhom.
    It-tagħlim ċentrali fuq il-kontroll tat-tifrix tal-virus tal-HIV huwa bbażat fuq responsabbilta personali u allura jekk jien nkun responsabbli u ma nesponiex lili nnifsi għall-virus, alura ma jkollix fuq xhiex ninkwieta. Hekk ir-responsabilta tiegħi inġorra jien u mhux nippretendi li ħaddieħor jieħu ħsiebi!
    Irridu ngħidu li ċ-ċirkostanzi nbiddlu ħafna tul is-snin fejn jidħol it-trattament. Dan għaliex illum għandna mediċina ħafna aħjar milli kellna snin ilu u t-tul tal-ħajja wara l-infezzjoni żdied imma għad m’għandniex kura li tfejjaq għal kollox. Illum għandna ukoll test li f’ħin qasir itik ir-riżultat. Aktar ma tkun taf kmieni f’hiex int, aktar tista tibda l-kura kmieni. U allura ikollok ċans aħjar  fil-ħajja imma jekk ma tinfettax ruħek nhux dejjem aħjar?
    Sina Bugeja
    CEO Special Projects
    MInisteru tas-Saħħa