Għad hemm postna fil-Knisja?

    Ħafna drabi aħna ż-żgħażagħ ftit jew wisq naħsbu li m’għadx hemm post għalina fil-Knisja jew li m’aħniex iżjed relevanti għax din hija Knisja antika u storika.
    Oħrajn iħossuhom skomdi jersqu lejn il-Knisja għaliex jaħsbu li huma wisq differenti u diversi min-nies l-oħra li jiffurmaw parti mill-komunitajiet differenti tal-Knisja.
    Iżda fil-verità dan kollu huwa minnu? X’irwol għandhom iż-żgħażagħ fil-Knisja li qed ngħixu fiha llum?
    Waqt l-Omelija tal-quddiesa fl-okkażjoni tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ fl-2013, il-Papa Franġisku kien saħaq li Ġesù Kristu qiegħed isejjaħ lil kull żagħżugħ biex ikun dixxiplu b’missjoni.
    Kien żied jgħid ukoll li l-Knisja għandha bżonn ħafna liż-żgħażagħ, għandha bżonn l-entużjażmu, il-kreattività u l-ferħ taż-żgħażagħ biex twassal il-messaġġ tagħha.
    Aħna l-bnedmin maħluqin għal għan prinċipali, dak li l-eżempji u l-għemejjel kollha tajba tagħna tul il-ħajja, jagħmluna qaddisin. Din aħna narawha stramba u impossibli. Nelson Mandela darba qal “I am not a Saint, unless you think of a Saint as a sinner who keeps on trying.” Huwa dan il-ħsieb li għandu jqanqal fina eżempji ta’ kif aħna ż-żgħażagħ għandna nħarsu lejn il-ħajja tagħna.
    Iż-żminijiet inbidlu, l-ideat inbidlu, is-soċjetà qed tinbidel ukoll. Iżda ejja aħna ż-żgħażagħ ma nħallux dan iż-żmien jibdel il-karatteristiċi ewlenin li jagħmluna żgħażagħ, ma nħallux id-dinja li qed ngħixu fiha illum tbegħedna mill-valuri u l-prinċipji tagħna, valuri u prinċipji li jirriflettu s-soċjetà t’għada!
    Il-messaġġ huwa ċar. Irridu nkunu aħna li mimlijin b’enerġija u entużjażmu, nersqu lejn il-Knisja u nwasslu l-ideat u l-ħsibijiet tagħna lill-oħrajn, għaliex jekk ningħaqdu lkoll flimkien nkunu kapaċi nqawwu qalb xulxin u nagħmlu kuraġġ lil xulxin! Irridu wkoll fuq kollox inkunu aħna l-ewwel li ninbidlu biex naraw il-bidla li nixtiequ s-seħħ, għax is-saħħa fil-knisja tiġi meta kulħadd ikun magħqud flimkien f’komunjoni! Ma ninsewx x’jgħidilna Ġesù: “Fejn ikun hemm tnejn jew tlieta miġburin f’ismi, hemm inkun jien f’nofshom.” (Mt 18, 19-20).