Ġej Brexit iebes

    Il-ġimgħa l-oħra fi Brussell iltaqgħu il-kapijiet ta’ stat kollha, inkluż Theresa May, għal laqgħa tal-Kunsill Ewropew. Huma u deħlin fil-binja tal-irħam aħmar tal-Kunsill Ewropew il-kapijiet ta’ stat u l-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk jagħtu ftit kummenti lill-ġurnalisti. Wieħed minn dawn saqsa lil Tusk jekk Theresa May hux dieħla f’ bejta tas-sriep. Tusk irrisponda u qallu, ‘u le, hawn bejta tal-ħamiem’.
    Id-domanda tal-ġurnalist tolqot il-musmar fuq rasu. Wara d-diskors ta’ Theresa May fil-konvenzjoni tal-partit tal-konservattivi Ingliżi, fejn din uriet biċ-ċar li ser tkun qed titlob restrizzjoni tal-moviment liberu tal-Ewropej fir-Renju Unit, issa għandna preżunzjoni li s-separazzjoni ser tkun waħda kattiva.
    Ir-risposta ta’ Tusk, kif mistenni, hija diplomatika, u turi l-kordjalita’ ġentili li l-politiċi Ewropej jirriservaw lil xulxin f’ dawn il-kuntesti fejn minkejja li l-interessi jafu jkunu opposti xorta jibqa’ dejjem spazju għal tbissima u tgħanniqa quddiem il-kameras. Wara kollox madwar dik il-mejda kulħadd jaf li Theresa May kienet fil-kamp tal-‘Bremain’. Hija fil-fatt qatt ma riedet din it-traġedja li spiċċat tmexxi.
    Iżda jekk dan jista’ joffri ftit simpatija għal Theresa May dan ikun ftit wisq biex ipatti għall-bibien magħluqa li jistgħu isibu l-Ingliżi hekk kif jibdew deħlin it-talbiet tagħhom fin-negozjati li mistennija jibdew f’ Marzu li ġej.
    Ġa min issa rajna kif fl-istess laqgħa msemmija hawn fuq Theresa May ingħatat il-kelma biss wara ħafna delegazzjonijiet oħra u spiċċat tilmenta li qed jinjorawha. Din hija togħma tar-relazzjoni li għażlu l-Ingliżi bil-Brexit. Min hu barra l-Unjoni ma jitkellimx madwar il-mejda tad-deċiżjonijiet tal-Unjoni.
    Fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew għamel diskors tajjeb il-President tal-Parlament Ewropew Martin Schulz li wissa li l-ewwel prinċipju li bih iridu jsiru n-negozjati huwa li ‘l-aħjar kuntratt mal-Unjoni hija s-sħubija sħiħa fl-Unjoni. Kull arranġament ieħor irid jinvolvi s-sagrifiċċji’.
    Sagrifiċċji ġia saru ħafna fir-Renju Unit. L-isterlina niżlet fl-aktar livell baxx fl-aħħar tletin sena. Diversi industriji rrivedew il-prospetti tagħhom l-isfel u diversi setturi oħrajn ħarġu fil-beraħ bi stqarrijiet li għalihom ma jista’ jkun hemm l-ebda arranġament aħjar minn dak li għandhom bħalissa bħala membri sħaħ tal-Unjoni Ewropea.
    It-tieni ammoniment ta’ Martin Schulz fil-Kunsill Ewropew jindika li r-Renju Unit irid ikun lest għal aktar sagrifiċċji. Skont Schulz it-tieni prinċipju li għandu jiggwida n-negozjati mar-Renju Unit irid ikun li l-libertajiet fundamentali tal-moviment liberu huma inseparabbli, ċioe ma jistax ikun hemm moviment liberu tal-merkanzija u s-servizzi u l-kapital jekk ma jkunx hemm moviment liberu tal-persuni. Schulz itenni ‘Nirrifjuta li nimmaġina Ewropa fejn it-trakkijiet u l-hedge funds ikunu liberi li jaqsmu l-fruntieri iżda n-nies ma jistgħux’.
    Il-pożizzjoni ta’ Schulz hija bħal dik ta’ prattikament il-politiċi kollha Ewropej ta’ sustanza li tkellmu fuq is-suġġett u ċioe li hekk kif ir-Renju Unit ser jitlob restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-persuni Ewropej ser jiftaħ il-kaxxa ta’ pandora għal talbiet ta’ pajjiżi oħra fuq setturi oħra.
    Ir-referenza ta’ Schulz għall-hedge funds mhix inċidentali. Ir-Renju Unit għandu industrija ta’ servizz finanzjarji li tista’ tiġi kkunsidrata bħala s-sinsla tal-ekonomija Ingliża. F’ Londra jingħad li hemm preżenti 500 bank li l-operat komplessiv tagħhom iħallas 12 fil-mija tat-taxxa li tinġabar fir-Renju Unit filwaqt li s-settur iħaddem aktar minn miljun u mitejn elf ruħ f’ impjiegi ġeneralment imħallsin tajjeb ħafna.
    Dawn il-banek li semmejna qegħdin Londra iżda jiddependu mis-swieq fl-Ewropa kollha. Il-klijenti tagħhom jafu jkunu Frankfurt, Stokkolma jew Vilnius. Dan is-suq miftuħ huwa propju l-valur miżjud tal-Unjoni Ewropea. Dan huwa s-sagrifiċċju li jista’ jkollha tagħmel Theresa May minn Marzu li ġej.
    Dan is-sagrifiċċju jidher li jkun riskjuż u kbir wisq meta wieħed iqabblu ma dak li jista’ jiggwadanja r-Renju Unit billi jdaħħal kwota ta’ kemm jistgħu jidħlu Ewropej fl-Ingilterra. Huwa propju għal din ir-raġuni li qed iqum moviment dejjem aktar qawwi fir-Renju Unit li qed jgħid li l-vot fuq il-Brexit sar bit-tama ta’sitwazzjoni aħjar u mhux għar u li għaldaqstant il-gvern Ingliż m’ għandux mandat biex jidħol għal negozjati ta’ ‘Brexit iebes’ fejn jiġi pperikolat l-aċċess għas-suq intern tal-Unjoni.
    Sa issa Theresa May żammet sod u warrbet b’ saħħa t-talbiet għal vot fil-Parlament Ingliż. Din id-deċiżjoni ta’ May qed tiġi kkontestata fil-qrati Ingliżi fejn il-qorti ġiet mitluba taqtagħha jekk il-gvern jistax imexxi bin-negozjati mingħajr mandat mill-Parlament. It-triq ta’ Theresa May tidher qed issir dejjem aktar iebsa, u dan meta għadu lanqas beda l-proċess, li nfakkru jibda biss hekk kif titressaq l-applikazzjoni uffiċjali mistennija f’ Marzu li ġej.
     
    Segwi l-aħħar żviluppi fl-Unjoni u l-ħidma tal-Parlament Ewropew fuq facebook.com/parlamentewropew

    Dr. Peter Aġius, Kap, Uffiċċju tal-Parlament Ewropew