Fuq l-Inġuriji, Libelli u Priġunerija

    Inħoss li f’pajjiżna teżisti konfużjoni sħiħa dwar x’jgħidu l-liġijiet ta’ pajjiżna fejn jidħlu l-inġurji u l-libelli. Parti mill-konfużjoni li teżisti hi tort ta’ dawk li jaħdmu fil-media stess għax għalkemm qegħdin fil-mistier m’humiex imħejjija sewwa fejn jidħlu drittijiet u responsabiltajiet li għandhom. Il-politiċi ma jgħinux lanqas għaliex meta jitkellmu jagħmlu dan għall-gallerija u lanqas biss jindenjaw jivverifikaw x’jgħidu tassew il-liġijiet tagħna.

    Dan l-aħħar rega’ kellna dikjarazzjonijiet fejn intqal li jekk ikun hemm ħtija fejn tidħol inġurja jew malafama li saret f’portal bl-isem ta’ maltarightnow.com se jkun hemm talba biex ikun hemm piena ta’ priġunerija għall-persuna responsabbli.

    F’dan il-blog se nlaqqa’ l-qarrejja ma’ dak li tipprovdi l-liġi biex meta jkunu qegħdin jixtarru dak li jingħad ikunu jafu jekk hemmx korrettezza jew le f’dak li jkun qiegħed jixxandar. Se nipprova nagħmel dan bi kliem li jinftiehem.

    Fil-Kodiċi Kriminali li huwa l-Kap 9 tal-Liġijiet ta’ Malta nsibu l-artikolu 252 (1) fejn jgħid li “Kull min, bil-ħsieb li jtellef jew inaqqas il-ġieh ta’ xi ħadd, iweġġgħu bi kliem, b’ġesti, b’kitba, b’disinji jew b’xi mod ieħor, jeħel, meta jinsab ħati, il-piena ta’ priġunerija għal żmien mhux aktar minn tliet xhur jew il-multa fl-istess artikolu 252 (3) hemm imnizzel li jekk l-inġurja ssir b’kitba, b’figuri jew b’disinji mxandrin jew esposti fil-pubbliku, il-ħati jeħel il-piena ta’ priġunerija għal żmien ta’ mhux iżjed minn sena.”

    Jekk wieħed jieqaf hawn u ma jkompliex jaqra mill-ewwel jiddeċiedi li allura jekk persuna tinstab ħatja għandha l-piena ta’ priġunerija.

    Il-leġislatur ma waqafx hawn u f’artikolu 256 (1) tal-istess Kodiċi Kriminali jgħidilna li “fil-każijiet ta’ inġurja li ssir bil-mezz tal-Istampa, igħoddu d-disposizzjonijiet tal-Att dwar l-Istampa.”

    Mela la l-artikolu li qajjem diskussjoni kien ippubblikat fuq il-portal maltarightnow.com tapplika l-Liġi tal-Istampa u mhux il-Kodiċi Kriminali.

    Wieħed mela jrid idur għall-Att dwar l-Istampa li nsibuh f’Kap 248 tal-Liġijiet ta’ Malta.

    F’artikolu 2 tal-Liġi tal-Istampa tingħata d-definizzjoni ta’ “stampat” u jfissirha bħala “kull kitba stampata b’tipi tipografiċi jew bil-litografija jew b’mezzi jew proċessi oħra bħal dawn fuq karta jew sustanza oħra, kif ukoll kull kartellun jew avviż ieħor li jitwaħħal li jkun fih xi sinjal jew kitba miktuba, stampata, impinġija, riżaltata jew xort’oħra impressa, u tinkludi kull diska, tape, film jew mezz ieħor li bih kliem jew immaġini viżwali jistgħu jinstemgħu, jitwasslu jew jiġu riprodotti”.

    Il-Qrati tagħna kemm fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili kif ukoll fl-Appelli Kriminali trattaw x’jikkostitwixxi “stampat b’tipi tipografiċi”.

    Fl-Appell Kriminali Il-Pulizija versus Joseph Sciberras u Maria Lourdes Sciberras deċiz fl-20 ta’ Jannar 1997 mill-Imħallef Vincent DeGaetano jingħad li meta l-leġislatur qed jitkellem dwar “stampat b’tipi tipografiċi” fl-Att dwar l-Istampa l-enfasi mhix fuq il-proċess tipografiku iżda fuq ir-riżultat li wieħed jara stampat quddiemu, jiġifieri li jara r-riżultat bħalma jħallu t-tipi li jintużaw fil-proċess tipografiku. Jekk il-proċess ikunx dak tipografiku klassiku jew proċess jew sistema, sia mekkanika kif ukoll elettronika, jew kombinazzjoni tat-tnejn, li tagħti riżultati finali simili għal dak tipokrafiku hu rrelevanti.

    Fl-istess sentenza jingħad li għar-rekwiżit tal-pubblikazzjoni msemmi fl-Att tal-Istampa, stampat jiġi ppubblikat anke jekk jiġi kkomunikat jew imgħarraf lil persuna waħda.

    Fil-Prim’ Awla tal-Qorti Ċivili fil-każ Dr Joseph M Ciappara vs Joseph Zammit deċiz fis-7 ta’ Mejju 1991 l-Imħallef Joseph Said Pullicino jsostni li d-definizzjoni ta’ stampat fl-Att tal-Istampa hi mill-aktar wiesgħa u hi intiża biex tkopri kull forma ta’ mezz kif jista’ jiġi mwassal messaġġ lill-ħaddieħor. Indubbjament il-mezz modern tal-kompjuter hu avvanz kbir fuq it-tipografija u l-litigrafija, imma ċertament hu wkoll mezz tal-istess ġeneru u jaqa’ faċilment taħt id-diċitura ġenerika tal-liġi ta’ “mezz jew proċessi oħra bħal dawn”.

    L-Att dwar l-Istampa fl-artikolu 11 li jitkellem dwar il-malafama jipprovdi li min jagħti malafama lil xi persuna, jista’ meta jinsab ħati, jeħel multa. Dan l-artikolu m’għadux jitkellem dwar multa u priġunerija, iżda dwar multa biss. U m’għadhiex tidher il-piena ta’ priġunerija għaliex il-leġislatur fl-2006 emenda dan l-artikolu biex ma jkunx hemm priġunerija marbuta miegħu u dan wara pressjoni mill-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin. F’pajjiżna għad għandna l-“libell kriminali” l-piena marbuta miegħu ma tipprovdiex priġunerija u għalhekk persuna ma tistax tintbagħat il-ħabs jekk ma jkunx hemm din il-piena mmniżla fil-liġi għax kif jingħad bil-Latin “nulla poena sine lege”.

    Fl-Att dwar l-Istampa għad hemm reati li jġibu magħhom priġunerija iżda dawn huma fejn wieħed :

    1. jinċita lil ħaddieħor biex ineħħi l-ħajja jew il-liberta’ tal-President ta’ Malta,
    2. imputazzjoni ta’ motiv ulterjuri lill-atti tal-President ta’ Malta,
    3. disprezz lejn il-Bandiera ta’ Malta,
    4. razziżmu meta persuna thedded, tinsulta jew tesponi għal mibgħeda, persekuzzjoni jew disprezz, lil xi persuna jew grupp ta’ persuni minħabba l-ġeneru, l-identita’ tal-ġeneru, l-orjentazzjoni sesswali, r-razza, l-kulur, il-lingwa, l-oriġini etnika, reliġjon jew twemmin jew opinjoni politika jew opinjoni oħra, diżabilita’ kif definite fl-artikolu 2 tal-Att dwar l-Opportunitajiet Indaqs għal Persuni b’Diżabilita’,
    5. kontra morali pubblika,
    6. kxif ta’ sigrieti professjonali
    7. pubblikazzjoni doluża ta’ aħbarijiet foloz

    Nispera li dan li ktibt għen xi ftit biex wieħed jifhem aktar x’tipprovdi l-liġi fejn tidħol l-inġurja u l-libelli, jgħinek tiżen dak li jingħad u tiddeċiedi.

    Dr. Joe Mifsud
    Avukat