Froġa Oranġjo…

    Għaddew ftit tal-ġimgħat mill-aħħar elezzjoni ġenerali, u jekk kien hemm profezija li dehret li ser tibda timmaterjalizza ruħha fl-immedjat kienet dik tal-koalizzjoni ta’ konfużjoni li l-atturi prinċipali tagħha kienu Simon Busuttil u l-Partit fantażma ta’ Marlene Farrugia. 
    Bdejna bil-kaos fis-sala tal-għadd tal-voti meta ftit siegħat wara t-telfa elettorali li ġarrab il-Partit Nazzjonalista il-poplu Malti nduna li l-konfużjoni fi ħdan il-Partit Nazzjonalista wasslet sabiex minflok id-deputat veteran George Pullicino, tispiċċa tiġi eletta minn fortizza Nazzjonalista, id-deputat Marlene Farrugia. Is-swaba’ mill-ewwel bdew jippuntaw fuq Simon Busuttil, u l-kawlata li għamel ftit ġimgħat wara li tħabbret l-elezzjoni ġenerali, meta minn wara dahar il-Kunsill Ġenerali u l-Grupp Parlamentari Nazzjonalista laħaq ftehim ma’ Marlene Farrugia u l-Partit fantażma tagħha. Ftehim li ż-żewġ partiti kellhom jingħaqdu flimkien taħt lista waħda komuni, l-unika differenza li tiddistingwihom tkun biss il-kelma “Oranġjo” maġenb isem il-kandidati ta’ Farrugia. 
    Il-kawlata kompliet tikber meta l-istess kandidati ta’ Marlene Farrugia spiċċaw jieħdu rikba b’xejn mill-kampanja tal-Partit Nazzjonalista, fejn spiċċaw bħala kelliema ewlenin fl-attivitajiet u l-mass meetings tal-Partit Nazzjonalista. Strateġija (jekk dejjem tista ssejħilha hekk) li kompliet tinkorla lill-kandidati Nazzjonalisti, li ħafna minnhom spiċċaw jieħdu inqas prominenza mill-kandidati ta’ Marlene. 
    Però l-kawlata ta’ Simon Busuttil kompla jħawwarielu l-viċi tiegħu, meta wara pressjoni kbira li għamel fi ħdan L-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista irnexxielu jikkonvinċi lill-klikka interna sabiex is-siġġu li jċedi hu jkun dak tas-seba’ distrett  u mhux dak tat-8 distrett elettorali. It-temperatura splodiet meta minħabba l-pressjoni ta’ Fenech Adami l-Partit Nazzjonalista spiċċa tilef l-opportunita’ li jeleġġi kandidat Nazzjonalista ieħor u minflok spiċċa fil-parlament it-tabib Godfrey Farrugia. 
    L-għadab fost il-partitarji Nazzjonalisti sploda meta l-istess Marlene Farrugia, wara r-reklami b’xejn li ħadet minn fuq dahar il-Partit Nazzjonalista, ftit tal-ġimgħat qabel spiċċat tgħid li l-ebda kandidat għat-tmexxija tal-PN ma kien ta’ stoffa biex imexxi l-Partit. It-taħwida papali kompliet tirranka wkoll meta issa ħareġ bl-aktar mod ċar, li l-koppja oranġjo fil-Parlament mhux se jkunu qed jimxu mad-direzzjonijiet li jagħti l-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista! 
    Issa wara dawn, il-konfuzjoni organizzata spiċċajna f’att ieħor mill-kummiedja tal-Partit ta’ Marlene Farrugia fejn wara li serqet is-siġġu parlamentari minn ħalq il-Partit Nazzjonalista iddikjarat li kienet ser tirreżenja mit-tmexxija tal-Partit tal-Oranġjo…u l-kofużjoni kompliet tilħaq livelli stratosferiċi meta tħabbru r-reġoli tal-kontest ta’ kap għal dan il-Partit fantażma. Qalulna, li biex tkun tista tivvota għall-kariga ta’ kap tal-Partit tal-Oranġjo trid tkun attendejt żewġ attivitajiet soċjali tal-istess Partit, xi bibita’ jew xi serata ta’ daqq ta’ platti, fit-torri l-Oranġjo tal-Qrendi. Ma jafux eżatt lanqas kemm hemm nies eleġibbli sabiex jivvutaw għat-tmexxija ta’ dan il-Partit li għandu żewġ siġġijiet fil-Parlament, in-numru jista jikber skond kemm partitarji jmorru jieklu xi qassata jew sandwich fit-Torri tal-Qrendi! 
    Mhux ta’ b’xejn, li l-korla fi ħdan il-Partit Nazzjonalista llum laħqet livelli li qatt ma rajna bħalhom qabel. Mhux ta’ b’xejn il-poplu Malti u Għawdxi m’afdax lil pajjiżna f’idejn il-koalizzjoni tal-frejjeġ immexxija minn Simon Busuttilm, u l-ko-pilota tiegħu Marlene Farrugia. Jekk qed taħsbu li dan ser ikun l-aħħar kapitlu mis-serjè ta’ frejjeġ u konfuzjoni oranġjo, ngħidilkom li qed tkunu ġenerużi wisq!

    Dr Alex Saliba huwa attivist Laburista li kien il-President tal-Forum Żgħażagħ Laburisti.