F’Malta teżisti media indipendenti li ma xxaqleb lejn ebda partit?

    Min bħali hu midħla tad-dinja tal-media jaf kemm huwa diffiċli f’pajjiż żgħir bħal tagħna li jkollok media li tkun verament indipendenti. Kull editur ikollu jew ikollha pressjoni enormi fuqha mill-partiti politiċi li jkunu għassa b’għajnejn ta’ seqer fuq kull ħaġa li tingħad jew tinkiteb permezz tal-media.

    Stazzjon tat-televiżjoni jċemplilhom Deputat Parlamentari bir-ragħwa f’ħalqu jitlob sodisfazzjon għall-fatt li ngħata biss minuta ta’ rappurtaġġ fl-aħbarijiet waqt li kandidat ieħor rival tiegħu ngħata żewġ minuti. L-editur ta’ ġurnal prominenti jhedduh bil-Qorti għaliex jikxef informazzjoni ta’ interess pubbliku imma li tkun skomda għal xi nies potenti fis-soċjetà. Ċittadin komuni jagħmel kumment politiku fuq is-social media u jispiċċa joffenduh numru ta’ partitarji politiċi li jippruvaw isikktu leħnu għax skomdu għall-partit politiku tagħhom. U nista’ nibqa’ nagħti mitt eżempju ieħor.

    Jien tal-opinjoni li media li hi mija fil-mija indipendenti f’Malta ma teżistix. Però, dan ma jfissirx li m’hawnx media lokali li ta’ min ifaħħarha għax toqrob ħafna lejn dan l-ideal. Naturalment, qed neskludi l-media tal-partiti politiċi għaliex dawk min-natura tagħhom stess qatt ma jistgħu jkunu indipendenti. Il-problema tinsab fil-fatt li ċerti politiċi donnhom jagħmlu pussess fuq il-media li suppost għandha tkun dejjem indipendenti.

    Pereżempju, “Newsbook” li fih nikteb dan il-blogg, huwa fl-opinjoni tiegħi wieħed mill-oqsma tal-media fejn l-amministrazzjoni qed tagħmel minn kollox biex tkun imparzjali. Għad baqa’ biex “Newsbook” ikun viċin il-mija fil-mija imparzjali għaliex naħseb li l-ammont ta’ aħbarijiet pro-PN huwa akbar minn dak pro-PL. Madankollu, ma nistax ma ninnotax li qed jingħata spazju lil diversi esponenti tal-Partit Laburista biex jiktbu u jesprimu l-opinjonijiet tagħhom liberament fuq “Newsbook”. Ngħid għalija, kemm ili nikteb il-blogg tiegħi, qatt ma kelli xejn iċċensurat mill-Editur minħabba l-politika. Tħallejt dejjem fil-libertà li nikteb li rrid.

    Ma nistax ngħid l-istess għal ċerti oqsma oħra tal-media. Hemm ġurnali sew bl-Ingliż u anke bil-Malti li suppost indipendenti imma jxaqilbu bil-miftuħ favur partit politiku jew ieħor. Hemm min saħansitra ma jippubblikalekx artiklu sempliċement għaliex ma jdoqqlux politikament. Hemm min għaddej b’kampanja kontinwa kontra partit partikolari. Hawnhekk, ukoll ma nistax ma nsemmix l-istazzjonijiet tar-radju u tat-televiżjoni li uħud minnhom huma biss il-lavranti tal-partiti politiċi fejn il-mistednin iridu l-ewwel jgħaddu mill-filtru tal-partiti politiċi qabel jiġu magħżula.

    Qatt ħsibtu kemm hawn ċittadini komuni li forsi għamlu anke isem fil-qasam tax-xogħol tagħhom u li jistgħu jagħtu kontribut siewi fil-qasam politiku billi jagħtu l-opinjoni tagħhom u jaqsmu ħsibijiethom mal-pubbliku permezz tar-radju u t-televiżjoni u qatt ma jingħataw dan iċ-ċans? – Imbagħad tara u tisma’ oħrajn li donnhom esperti fuq kollox għaliex jiġu mistiedna fuq kull suġġett immaġinabbli. – Dan sempliċement għaliex huma ta’ ġewwa ma’ xi partit politiku jew ieħor. – Donnu huma biss kapaċi jesprimu opinjoni fuq ir-radju u t-televiżjoni u l-kumplament tal-poplu le.

    Għalhekk, nikkonkludi billi ngħid li f’Malta għad baqa’ sakemm naslu għall-punt li jkollna media verament indipendenti imma ċerti eċċezzjonijiet pożittivi jeżistu u dan jawgura li fil-ġejjieni s-sitwazzjoni taf tkun ħafna aħjar.