Fis-skiet tkun kompliċi ….

    Fis-skiet tkun kompliċi ….
    Il-vjolenza domestika sfortunatament teffetwa ħafna persuni li insibu f’kull klassi ta’ kwalunkwe soċjeta u f’soċjetajiet varji.

    X’nifhmu bil-vjolenza domestika? L-aspett fiżiku jiġi mill-ewwel f’moħħna imma l-vjolenza tista tieħu forom varji. Fosthom nsibu abbuż psikoloġiku u emozzjonali, abbuż finanzjarju, fastidju, abbuż sesswali u stalking. L-abbuż fiżiku huwa l-aktar li nitkellmu fuqu u meta naħsbu fuq l-vjolenza domestika dejjem inġibu quddiem għajnejna persuna imbenġla u b’xi feriti. Imma tajjeb li nifhmu li anke meta ma jkunx hemm feriti fiżiċi, persuna li esperjenzat l-vjolenza domestika jkolla feriti oħra li għalkemm ma jidrux, huma effett ta’ abbuż u xiehda ta’ uġigħ.

    Li jiġri f’dan it-tip ta’ abbuż huwa li l-persuna li tkun qed tabbuża tkun trid kontroll assolut fuq il-persuna l-oħra u tuża kwalunkwe skuża sabiex tuża l-vjolenza fi kwalunkwe forma. Il-biża għandu parti mportanti ħafna f’dawn iċ-ċirkostanzi. Jekk per eżempju tlesti l-ikel, dan ma jogħġbux u għalhekk isir vjolenti u jekk ma tlestix, isir vjolenti għax ma sabx ikel lest. Nies f’dawn is-sitwazzjonijiet jgħixu f’biża assolut u jkun diffiċli ħafna għalihom li jieħdu l-passi meħtieġa biex iħallu relazzjoni vjolenti. Għalhekk huwa mportanti li meta xi ħadd jitkellem, jittieħed bis-serjeta u jingħata l-għajnuna neċċessarja. Il-vjolenza domestika ma tiġrix biss bejn koppji miżżewġa imma ukoll bejn nies li jgħixu flimkien, minn tfal adulti fuq ġenituri tagħhom u bejn koppji ta’ l-istess sess li huma f’relazzjoni.

    Il-vjolenza domestika tikser id-dritt li kull persuna għandha sabiex tgħix ħajja sikura u mingħajr abbuż. Fil-qiegħ ta’ dan kollu hemm nuqqas kbir ta’ rispett lejn il-persuna. U meta ma jkunx hemm rispett, allura id-dinjita tintilef ukoll u l-persuna l-oħra ma’ tkun xejn ħlief mira għar-rabja.

    Ara kemm hu diffiċli li titkellem dwar l-għaġir tal-persuna li tkun għażilt biex tgħaddi ħajtek miegħu … xi drabi anke kontra l-parir li tkun ingħatajt. Ma tkunx tista tifhem kif il-persuna li tħobb titrattak b’dan il-mod u tagħmel perjodu tiskuża l-għaġir u temmen li kollox tord tiegħek … Huwa dan il-ħsieb li jaħdem kontra tiegħek …isir xi jsir; tagħmel x’tagħmel il-vjolenza qatt u mkien ma hija ġġustifikata u ħadd m’għandu jaċċettaha.

    Jekk tinsab f’relazzjoni vjolenti, tkellem. Is-silenzju huwa l-akbar għadu tiegħek. L-għajnuna mhix il-bogħod … b’telefonata fuq il-helpline 179 issib min jista jgħinek u jtik direzzjoni.

    U jekk int m’intix persuna li qed tesperjenza l-vjolenza imma taf lil xi ħadd li jinstab f’sitwazzjoni diffiċli, tibqax kwiet u żżomm is-silenzju għax is-silenzju tiegħek huwa l-kundanna ta’ persuna bla ħtija. Persuni vjolenti jiddependu mill-fatt li la l-vittma u l-anqas ta’ madwara ma jitkellmu u huma jibqgħu jirrenjaw fir-renju tal-biża.

    Sina Bugeja
    Kap Eżekuttiv, Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali