Fejn sejrin?

    “Għad jiġi żmien meta jkollna niżirgħu u nkabbru l-karfusa fir-roundabouts” kien qalli z-ziju xwejjaħ tar-rispett. Niftakar kont tbissimt. Ħassejt li kien qed jesaġera.

    Illum nagħtih raġun. Anzi, spiċċajna nimpurtaw il-ħaxix, il-frott u l-karfusa wkoll.

    Meta tenna dawn il-kelmiet kont daqsxejn ta’ tfajjel imfarfar, qiegħed nimbotta karettun b’xi spapen, sejrin l-għalqa. Kien fil-bidu tas-sebgħinjiet u l-mument għadni niftakru sew. Wara kollox, kien kumment stramb ferm għal dak iż-żmien meta Malta kienet imħaddra.

    Konna fi Triq Ħali deħlin ġo Triq il-Kandlora. Il-ħitan tas-sejjieħ għoljin kienu sabu sehemhom mill-aħħar darba li konna morna, il-ġimgħa ta’ qabel. Gaffa tal-ktajjen kienet ġarrfithom u kienet bdiet tħammel il-ħamrija biex tagħmel il-wisa’ għall-pedamenti.

    Dak iż-żmien, l-inħawi kienu magħrufa għall-irziezet tal-majjali u r-raba’ tal-madwar kien kollu maħdum. In-nar tal-arju tal-festa kien saħansitra jittella’ minn din ix-xaqliba u ftit ’iln bogħod kienet tinstab il-kamra tan-nar ta’ San Filep. Illum, kull kantuniera nbniet u l-karattru tal-post inbidel mil-lejl għan-nhar. Minflok, kienu nbnew ringieli ta’ djar bil-parapetti. F’dawn l-aħħar sentejn dawn bdew jitwaqqgħu u minflokhom qed jittellgħu blokok ta’ appartamenti.

    Din hi esperjenza waħdanija minn ħafna li niftakar. Tixhed kif f’anqas minn ħamsin sena, l-iżvilupp residenzjali fl-irħula mhux talli żdied iżda ħa xejra oħra, tant li wiċċ Malta ma jingħarafx.

    Ftakart f’dan kollu meta ftit tal-jiem ilu kont iltqajt ma’ bidwi xwejjaħ. Fiż-żmien niftakru joħroġ bil-karettun miġbud miż-żiemel. Kont ili ma narah u għalkemm kien kważi mgħawweġ ganċ u muġugħ bl-artritè, xorta kien jerħilha lejn l-għalqa bil-pass. Hekk kif waqqafni, b’leħen miksur qalli “X’minnek tabib? Sejjer l-għalqa għall-vizzju. Ma niflaħ nagħmel xejn” filwaqt li ċaqlaq l-ixkora mixħuta fuq spalltu.

    Kien hemm żmien meta kien ibigħ is-saħħa, u meta kien jiġi x-xahar ta’ Mejju biex jaħsad l-uċuħ tar-raba’ li kellu, kien jaħsadhom waħdu bil-minġel u wara jiġbor il-ħsad qatta’ qatta’ u joħroġhom vjaġġ wara vjaġġ bil-karettun. Illum kien imur ipoġġi bilqiegħda għad-dell tal-kamra jħares iċċassat lejn l-għelieqi mhux maħduma, bosta minnhom mimlija ħaxix ħażin, u jitbikkem. “Ħadd m’għadu interessat fil-biedja u l-biegħa ma ġġibx ħaqq ix-xogħol jekk teħodha għand il-pitkal” stqarr waqt li kemmex xufftejh. “Anke l-bajtar u t-tin qed imut bil-mard li ddaħħal Malta” kompla jtenni, filwaqt li tani x’nifhem kif siġra tal-kastik qiegħda tinqered minħabba l-klima.

    “Inqaleb kollox ta’ taħt fuq. Il-flus ġrew bina. Mhux talli hekk, talli għax jarawk mimli bil-għomor ftit huma dawk li jkellmuk jew isellmulek fit-triq.”

    Minn dakinhar ’l hawn Ġanni ħalliena. Il-Mulej jagħtih il-mistrieħ ta’ dejjem.

    Ħadd mhu għal hawn. Lil ta’ warajna x’se nħallulhom?