Fejn jista’ jwassal l-Għarfien fl-Istil ta’ Hajja aktar Sana?

    Skont studju li sar, kważi 30% tal-popolazzjoni tad-dinja għandhom piż żejjed jew obeżità.  Dan jgħolli r-riskju tad-dijabete, mard tal-qalb u kanċer fost oħrajn. Għalkemm iż-żieda fir-rata tal-obeżità tidher li mhux qed tiżdied f'xi pajjiżi, pero’ hemm ħtieġa li tonqos ir-rata eżistenti. Kawża ewlenija tal-obeżità speċjalment fost iż-żgħażagħ, hija l-inattività jew nuqqas ta’ eżerċizzju fiżiku. Għalhekk l-isports għandu jkun irwol importanti fil-ħajja taż-żgħażagħ u b’hekk inkunu fit-triq it-tajba fil-ġlieda kontra l-obeżità.
    M’hemmx dubju li tinħass ħtieġa urġenti għall-azzjoni globali u strateġija ta’ pjan biex jgħinu lill-pajjiżi jintervjenu b'mod effettiv u ta’ malajr. Sfortunatament, dan ma jġib l-ebda aħbar ġdida lejn Malta, għaliex pajjiżna jinsab fost l-ogħla livelli ta' obeżità fl-Ewropa u fid-dinja, flimkien mar-Renju Unit u l-Islanda. Wieħed jistaqsi, forsi għax it-tliet pajjiżi huma stati gżejjer?
    L-obeżità hija kundizzjoni li żżid ir-riskju f’numru ta’ kundizzjonijiet diffiċli fis-saħħa tal-persuna. L-Organizazzjoni Dinjija tas-Saħħa stqarret li l-obeżità hija assoċjata ma' diffikultajiet respiratorji u muskolari. L-obeżità tista' wkoll tħalli liż-żgħażagħ f'riskju akbar ta' problemi fil-qalb u mard li jwassal għal xi forom ta' kanċer aktar tard fil-ħajja.
    Il-partecipazzjoni taż-żgħażagħ fl-attività fiżika hija kawża ġusta biex twassal għal riżultat pożittiv fuq ir-riskju tal-obeżità. L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa tistqarr li fattur ewlieni fil-ġlieda kontra l-obeżità huwa l-isport. Ir-riċerkaturi Caroline Payne u Kate Fogarty mill-Universita’ ta’ Florida rrappurtaw f’riċerka, li tfal li jipparteċipaw f’xi sports ikunu aktar konxji minn tfal oħra fuq it-tip u l-kwalita’ ta’ nutrizzjoni.
    Meta wieħed jargumenta fuq l-istil ta’ ħajja li jgħix u fuq it-tip ta’ ikel li jiekol, jista jikkonkludi li hija għażla personali, pero’ ta' min jinnota l-inizjattiva' li ħa l-Onorevoli Robert Cutajar billi fassal abbozz ta’ liġi msejjaħ Att dwar Stili ta’ Ħajja Sana (Biex Titnaqqas l-Obeżita`).
    Mingħajr ma noqgħod nidħol fid-dettalji tal-att, ta' min jagħmel enfasi fuq l-għan ewlieni ta’ dan l-Att, li huwa, li jistabbilixxi u jassigura approċċ inter-ministerjali u tul il-ħajja li jaħdem favur l-edukazzjoni fl-attivita’ fiżika, dieti sani u bilanċjati għat-tnaqqis tal-livell tal-obeżità fost il-gruppi kollha skont l-eta’. Dan iwassal għall-pjanijiet ta’ azzjoni u regolamenti maħsuba sabiex titnaqqas l-obeżita` fost il-pubbliku.
    Dan l-att huwa turija ta’ viżjoni ħolistika fis-settur tas-saħħa u anke ta’ politika ġdida li tpoġġi l-interess nazzjonali u tas-soċjeta' l-ewwel. Inizjattivi bħal dawn għandhom imorru oltre mill-politika partiġjana għaliex is-saħħa f’Malta mhix biss is-servizzi tas-saħħa u l-isptar b'xejn imma li ngħixu stil ta’ ħajja aktar sana – stil ta’ ħajja aktar b’saħħitha.  Il-benefiċċju ta’ dan l-istil ta’ ħajja mhux biss jitgawda fuq livell personali imma anke fuq livell nazzjonali u dan għaliex it-taxxi fuq is-saħħa, imħallsa mill-poplu Malti jiġu sfruttati b’mod aktar san u ġust.

    Ryan Mercieca
    President Grupp Universitarji Għawdxin