Fanatiċi jew devoti?

    Ma nistgħux nippretendu li l-festi jogħġbu lil kulħadd. Bħal kull ħaġa oħra fil-ħajja, hemm min jistenniehom b’ħerqa, tant li għandna l-espressjoni ‘qisek mejda tal-qubbajt’ għal dawk li jfittxu li jiffrekwentaw kieku possibbli l-festi kollha tal-pajjiż, u hemm oħrajn li fil-festi ma jarawx ħlief inkonvenjenzi u jkollhom ġenn biex tasal l-aħħar festa u tibda l-arja friska tal-ħarifa.
    U tiskanta kif meta tisma’ ċerti argumenti, tħoss li kultant kulħadd għandu raġun. Min ma jogħġbuhx il-festi jsemmilek l-inkonvenjent tat-toroq magħluqin. L-isparar ta’ murtali li jaħsdu u jtarrxu. Ix-xeni ta’ paganiżmu li jiddominaw bosta drabi f’diversi marċi fil-jum u anki fil-ġimgħa tal-festa. L-insulti u l-piki mhux biss bejn raħal u ieħor, imma anki kultant fl-istess raħal li jħaddan parroċċi differenti. U bħallikieku dan mhux biżżejjed, fejn hemm parroċċa waħda taf issib piki esaġerati bejn każini tal-baned differenti, anki jekk it-tnejn suppost jeżaltaw u jiċċelebraw il-ħajja eżemplari tal-istess qaddis. Fanatiżmu li jdarras.
    Imma wkoll bla dubju hemm l-element pożittiv fil-festi, li ħadd ma jista’ jiċħdu. Bla dubju l-festa f’pajjiżna għadha ġġib lill-familji flimkien. Kemm hu sabiħ li għalkemm ħafna huma dawk li ħallew raħal twelidhom biex marru joqogħdu f’post ieħor, u avolja għaddew bosta snin, f’dik il-ġimgħa tal-festa tarahom jirritornaw lejn dak ir-raħal li wellidhom. Hija sabiħa immens li l-familja, f’dik il-ġimgħa, tkun tista’ tgawdi dik l-għaqda, speċjalment jekk iċ-ċentru tal-laqgħa tkun l-ikla tal-festa, ippreparat b’mod tradizzjonali mill-omm jew il-missier li jkunu għadhom jgħixu fl-istess dar li laqgħet it-twelid ta’ wliedhom.
    L-aspett reliġjuż, anki jekk naqas matul is-snin, għadu hemm. U l-knejjes fil-jiem tat-tridu u fiċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi f’jum il-festa, għadek issibhom ġeneralment ippakkjati bin-nies. Hemm l-aspett kummerċjali għax għal bosta l-festi jħallu kemxa ġmielha bil-kummerċ ma’ Maltin u turisti. U la qed insemmu t-turisti, bla dubju ta’ xejn il-festi li jikkaratterizzaw is-sajf Malti huma attrazzjoni fihom infushom.
    Bla dubju l-ħtieġa ta’ aktar prudenza tibqa’ hemm. Forsi llum aktar minn qatt qabel, f’soċjetà u ġenerazzjoni li mhux dejjem jimpurtaha li waqt li l-murtali jdamdmu r-raħal hemm min ma jiflaħx għall-ħsejjes kultant esaġerati tagħhom. Fost dawn il-marid f’daru jew f’dar tal-anzjani jew saħansitra fl-isptarijiet. It-tfal żgħar. L-annimali. U anki dawk li x-xogħol tagħhom jirrikjedi li jbakkru qabel ix-xemx iddawwal il-jum.
    Ikunu isbaħ il-festi tagħna jekk niċċelebrawhom b’aktar prudenza. Jekk inżommu l-ħin stipulat mil-liġi kemm għall-ħsejjes tal-murtali u kemm għall-ħsejjes tal-marċi meta l-lejl ikun daħal ġmielu. Ikunu iktar xierqa li jissejħu festi reliġjużi jekk minnhom neliminaw kemm nistgħu l-piki, l-inkejja, ix-xorb żejjed u llum anki abbuż b’sustanzi illeċiti b’konsegwenzi fit-tul. Nassumi li l-qaddisin tagħna jħossuhom iktar kuntenti jekk mill-festi neliminaw l-insulti lejn min jiċċelebra festa differenti u lejn l-istess qaddisin li suppost, waqt dan l-istess festi, neżaltaw.
    Insomma, jgħid x’jgħid kulħadd, il-festi u s-sajf Malti huma sinonimi. M’hemmx waħda mingħajr l-oħra. Huma taħlita ta’ devozzjoni u tradizzjoni. Ejja nikkultivaw it-tajjeb li jikkaratterizzahom u nsaffuhom minn dak li jniġġishom. Lil dawk li se jkunu qed jiċċelebraw il-festa tagħhom, nawguralhom festa mill-isbaħ u ’l bogħod minn ħafna fanatiżmu żejjed.

    Marica Mizzi
    PRO & Fundraising Officer Caritas