Family Workshops

    F’ħafna mid-diskussjonijiet li jkollna fuq is-servizzi li nipprovdu niffukaw ukoll fuq kif nistgħu ngħinu aktar lil min jeħtieġ xi servizz minn waħda mill-aġenziji tal-Fundazzjoni sabiex apparti li nindirizzaw il-problema li jkollu meta jħabbat il-bieb tagħna, insaħħu aktar lil dak li jkun sabiex dejjem jevita li jidħol f’aktar diffikultajiet. F’waħda minn dawn id-diskussjonijet iddeċidejna li nagħmlu workshops jew laqgħat apposta li qed insejħulhom family workshops. L-għan joħroġ mill-prinċipju ta’ prevenzjoni sekondarja.

    F’dawn il-workshops, grupp ta’ minn tmienja sa għaxar ġenituri jiltaqgħu flimkien darba fil-ġimgħa għal sagħtejn għal perjodu bejn wieħed u ieħor ta’ sitt xhur. Il-ħin u d-data tal-laqgħat jakkomoda kemm jista lill-parteċipanti. Anke jkun provdut ħarsien għat-tfal żgħar mill-voluntiera tal-Programm Ulied Darna (ktibt dwar dawn il-voluntiera il-ġimgħa li għaddiet) sabiex min jixtieq jattendi ma jsibx diffikulta. Huma mmirati prinċiparjament għal ġenituri bit-tfal żgħar.

    Jista jattendi min jaħseb li jista jibbenefika basta kull parteċipant ikun lest li jaqsam l-esperjenzi tiegħu jew tagħha u jitgħallem minn u ma’ l-oħajn li jkunu preżenti. Irid ikun lest li jiffoka aktar fuq il-kommunikazzjoni fil-familja: fattur importanti ħafna jekk irridu li l-familji tagħna jibqgħu f’saħħithom u jkunu kapaċi jikkumbattu ma’ sitwazzjonijiet li jafu jiġu fuqhom. Il-motivazzjoni tal-parteċipanti hija importanti ħafna speċjalment meta tqis li dawn il-workshops huma iċċentrati fuqhom u fuq il-bżonnijiet li huma stess jindikaw u jagħrfu.

     

    Is-suġġetti ta’ dawn il-workshops huma flessibbli ħafna u jiffukaw fuq dawk is-suġġetti jew ħiliet li l-parteċipanti jaqblu li jindirizzaw. Li jagħmlu dawn il-workshops huwa li:

     

    • Joħolqu spazju mingħajr biża għall-parteċipanti sabiex jiffukaw aktar fuq l-iżvilupp tagħhom nfushom;
    • Jinħolqu opportunitajiet għal diskussjoni u anke taħriġ sabiex il-ħiliet neċċessarji biex ir-relazzjonijiet ma’ dawk tal-madwar li jinkludu ukoll it-tfal  jissaħħu u jitjiebu;
    • Isiru diskussjonijet partikularment fuq kif iġibu ruħhom it-tfal sabiex dejjem nifhmuhom aktar u jingħataw aktar ħiliet fuq it-tobbija tat-tfal;
    • Tagħlim fuq il-bżonijiet tat-tfal biex jkbru sani kemm fiżikament kif ukoll emozzjonalment;
    • Jingħataw taħriġ u sapport sabiex jadottaw attitudni ta’ trobbija pożittiva;
    • Taħriġ fil-ħiliet neċċessarji ta’ mmaniġjar fosthom il-flus u l-infieq u aspetti oħra li jixtiequ;
    • Tagħlim fuq x’ikel u xorb għandhom bżonn it-tfal sabiex jikbru b’saħħithom u x’jista jeffetwalhom saħħithom ħażin;
    • Il-parteċipanti jitgħallmu ukoll isiru aktar indipendenti mis-servizzi u kif jgħixu ħajja aktar attiva sabiex ikollhom aktar parteċipazzjoni u sodisfazzjon;

     

    l-ewwel ma jsir f’dawn il-workshops huwa li jgħinu lil min jattendi jifhem, jaċċetta u japprezza l-valur tiegħu nnifsu għax mingħajr dan, nibqgħu nħossuna mhux kapaċi. Aktar ma nifhmu lilna nnfusna, aktar insibu s-saħħa ġo fina sabiex nagħrfu u nindirizzaw id-diffikultajiet li jista jkollna madwarna. Imbagħad jibda jsir taħriġ f’ħiliet varji skond ma jkunu esprimew il-parteċipanti. U hawnhekk jitgħallmu ħafna mill-bżonnijiet u milll-esperjenzi ta’ xulxin waqt id-diskussjoni.

     

    Apparti dan kollu, dawn il-laqgħat jew workshops iwasslu ukoll sabiex persuna tagħmel ukoll pjan għaliha nnifisha dwar kif se jkun l-aħjar biex ittejjeb iċ-ċirkostanzi tagħha. Ta’ ħadd ma jkun bħal ta’ ħadd dal-pjan għax ikun imfassal fuq il-bżonnijiet u ħiliet li l-persuna ikollha. Ikun hemm min jagħmel mira biex jidħol fid-dinja tax-xogħol, waqt li oħrajn jaraw kif jistgħu jagħtu aktar kontribut fil-kommunita fejn jgħixu. Kollha jitgħallmu kif jieħdu ħsieb aħjar lit-tfal waqt li jingħataw ħafna nformazzjoni u pariri prattiċi. Għal dawn il-workshops ma hemmx ħlas u minn barra li l-Aġenziji tal-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali joffru dawn il-workshops lil min jibbenefika minnhom, jistaw ukoll japplikaw individwi personalment jew jintbgħatu kemm mill-Kunsilli Lokali, professjonisti varji kif ukoll mill-Kappillani.

     

    Grupp minn dawk li attendew għal dawn il-workshops tant ħadu gost b’dak li tgħallmu li anke innominaw lis-social workers għall-premju ta’ eroj mill-programm Xarabank u ingħatalhom.

     

    Min jixtieq jattendi jista jċempel fuq 2295 9000 jew fuq is-Supportline 179 jew jibgħat e-mail lil appogg@gov.mt

     

    Sina Bugeja

    Kap Eżekuttiv, Fondazzjoni għal Servizzi ta' Ħarsien Soċjali