F’Ottubru nitkellmu fuq is-Saħħa Mentali

    Biex persuna tkun verament b'saħħitha trid tkun qed tesperjenza b'mod pożittiv aspetti varji li jinkludu saħħa fiżika, mentali, soċjali, u sesswali. Nuqqas f'wahda minn dawn għandha riperkussjonijiet fuq il-kumplament.
    Is-Saħħa Mentali hija parti mis-saħħa nġenerali tal-persuna imma li ma tantx niffukaw fuqha. Nuqqas ta saħħa mentali iġġib anzjeta mhux biss f'min jesperjenza imma ukoll f'dawk ta madwar il-persuna tant li min jesperjenza xi diffikultajiet ma jkunx komdu jitkellem fuqhom. Huwa stmat li wieħed idum 4 snin sabiex isib il-kuraġġ u jfittex l-għajnuna. Żmien mitluf li ma jgħinx għax kura kmieni, bħal f'kull sitwazzjoni oħra hija l-aħjar.
    L-iskop li jiġu ddedikati ġranet għall-problemi differenti huwa sabiex dejjem jiżdied l-għarfien u t-tagħlim. Fil-każ tas-saħħa mentali huwa l-10 ta Ottubru li ġie ddedikat apposta. Smajna kif wieħed minn kull erba' jesperjenzaw problemi ta' saħħa mentali. Dan ifisser li hekk kif inħarsu madwarna nkunu qed inħarsu lejn aktar minn persuna waħda li għandha jew se tesperjenza problema ta’ din ix-xorti. Hawn ninkludi lilna nnfusna.
    Nies li għaddew minn din l-esperjenza jgħidu kif meta ppruvaw ittarfu xi ħaġa fuq kif qed iħossuhom, sabu lil  ta’ madwarhom jgħidulhom li huma sensittivi żżejjed jew qed jiffissaw u li aħjar ma jgħatux kas. Sabu ħitan għoljin li mhux lakemm taqbiżhom. Fehmu li aħjar ma jitkellmux fuq dan is-suġġett.
    Hemm min qal li qalulu li ma jonqsu xejn u għalhekk m'għandux ikollu dwejjaq jew dipressjoni. Immaġina kif tista tfittex l-għajnuna meta dan huwa l-mod kif tintlaqa hekk kif tiftaħ ħalqek. Kważi tiġi nterpretat li int ngrat.
    Is-socjeta għada tibża minn nuqqas ta’ saħħa mentali u għada żżomm stampa sterotipizzata ta’ persuna li qed tesperjenza dan. Għada twaħħal stigma u tabelli għal tul ħajjet il-persuna kkonċernata. U dan ikompli jenfasizza dak li diħa għidna.
    Is-saħħa mentali tiġi kkurata bħal problemi oħra ta’ saħħa skond ma jkun meħtieġ. Id miksura titpoġġa fil-ġibs imma problemi oħra jingħataw kura partikulari għalihom. L-istess jiġri fis-saħħa mentali: tingħata L-kura speċifika u speċjalizzata. Għall-grazzja t'Alla għandna speċjalisti li kapaci jgħatu l-kura li wieħed ikollu bżonn u dan b'riżultati tajbin. 
    Qed ngħixu ħajja mgħaġġla mingħajr nifs u bi pressjoni qawwija fejn irridu nlaħħqu ma kollox. Imbagħad tinqala xi ħaġa minn taħt ir-rih u ssabbatna ma’ l-art. Xejn m'għandna għalfejn nistagħġbu jekk ma nħossuniex sew. Nafu li ċerti episodji u tibdil iġibu magħhom effetti psikoloġiċi . Jekk nirrikonoxxuhom u  ngħatu ftit spazju għalihom u nitkellmu fuqhom ma’ min jista jifhimna ngħinu aktar lilna nfusna. Jekk inħossu l-bżonn, nfittxu l-għajnuna minn għand professjonisti mħarrġa u naraw kif wara l-kura u sapport meħtiega nerġgħu għal aħjar.
    L-aħħar ħaġa li għandu bżonn persuna li għaddej minn esperjenza simili huwa ġudizzju neggativ. B'kelma kapaċi tkisser bniedem u b'kelma ukoll kapaċi turih solidarjeta.