Eroj jew nies żleali u ta’ eżempju ħażin liż-żgħażagħ tagħna?

    Dak li qiegħed jiġri bħalissa fil-Partit Nazzjonalista huwa inkwetanti ħafna għal dawk kollha li jħobbu lil pajjiżhom. Huwa inkwetanti mhux biss għaliex qed naraw partit politiku bi tradizzjoni kbira jaqa’ biċċiet bid-diżgwid intern imma, aktar minn hekk, għaliex qed naraw klikka ta’ nies fi ħdan l-istess partit jaġixxu b’mod żleali lejn il-Kap tagħhom stess u anke juru biċ-ċar li ma jirrispettawx id-demokrazija, eżattament l-għażla li għamlu t-tesserati tal-Partit Nazzjonalista.

    B’dan l-aġir, din il-klikka qed isservi ta’ eżempju tassew ħażin għaż-żgħażagħ tagħna li forsi tiġihom il-ħajra li jidħlu fil-ħajja politika biex jagħtu servizz lill-oħrajn. Ngħiduha kif inhi, mhix xi ħaġa verament oxxena li timmina l-Kap tal-partit tiegħek stess mill-ewwel ġurnata li jiġi elett, imbagħad ikollok il-wiċċ tgħidlu jwarrab għax falla? – Min jagħmel hekk juri li verament nieqes totalment mill-prinċipji. – Juri li lanqas biss jaf xi jfissru l-valuri fil-politika.

    Is-sitwazzjoni fi ħdan il-Partit Nazzjonalista issa waslet fi stat li qed tinkwieta serjament mhux biss lill-partitarji Nazzjonalisti imma anke lil dawk kollha li għandhom għal qalbhom il-futur tal-politika f’Malta. Qed ngħid dan għax inħoss li issa ċerti nies verament missew il-qiegħ u waqgħu f’livell baxx li qatt ma rajna bħalu fil-politika Maltija. Donnu l-kelma “lealtà” ħarġet mill-vokabolarju ta’ ċerti nies u għalihom kollox huwa permess, anke l-iktar aġir kodard.

    L-eroj huma dawk li meta jaraw il-Kap tagħhom f’sitwazzjoni diffiċli, jippruvaw jaqilgħuh minnha. Mhux min meta jarah dahru mal-ħajt, idaħħallu s-sejf f’dahru! – Ħudu eżempju mill-Partit Laburista fejn wara l-elezzjoni ta’ Dr Robert Abela bħala Mexxej tal-Partit, kulħadd intefa’ jiġbed ħabel wieħed warajh, sew min qabel kien jappoġġja l-kandidatura tiegħu u anke min le.

    Jekk l-affarijiet jibqgħu sejrin ħażin fi ħdan il-Partit Nazzjonalista, se tiddgħajjef id-demokrazija fil-pajjiż, se jintilfu ħafna żgħażagħ ta’ talent li jistgħu jagħtu kontribut kbir lil Malta, u se nispiċċaw naraw politika nieqsa mill-valuri. Dan li tridu?

    Ieqfu għax kulħadd qed jitkaża bikom!