Emendi fit-tip ta’ żvilupp permissibbli b’DNO

    L-Awtorità tal-Ippjanar qiegħda tipproponi tibdil għal dak li nafuh bħala l-proċess tad-DNO, id-Development Notification Order. Ir-regolamenti tad-DNO jispeċifikaw dawk it-tipi ta’ żvilupp li huma, min-natura tagħhom, permessi li jsiru mingħajr il-bżonn li ssir applikazzjoni formali għall-iżvilupp. Dan it-tip ta’ żvilupp huwa ġeneralment ta’ natura sempliċi, bħal per eżempju tibdil intern, jew żvilupp temporanju. Il-liġi tirrikonoxxi dawn it-tipi ta’ żvilupp bħala permissibbli a priori, u l-iżviluppatur irid biss jinnotifika lill-Awtorità li ser jagħmel dan l-iżvilupp.
    L-Awtorità qiegħda tipproponi li, mal-lista ta’ żvilupp li jista’ jitqies bħala permissibli u li għalhekk għandu bżonn biss li jiġi nnotifikat lill-Awtorità, jiżdiedu żewġ tipi ġodda. Cioé kwalunkwe tip ta’ żvilupp fil-ħabs ta’ Kordin u kwalunkwe tip ta’ żvilupp li jsir mill-Korp tal-Puliżija. Dan ifisser li jkun jista’ jsir kull tip ta’ żvilupp, mill-bini ta’ kamra żgħira sal-bini ta’ blokk ta’ uffiċini ġodda, mingħajr ma jkun hemm bżonn li dan jgħaddi mill-iskrutinju li normalment jgħaddu minnhom proġetti ta’ ċertu daqs.
    Huwa minnu li l-proposta tinkludi premessa, li jekk l-iżvilupp ser isir f’sit storiku jew ta’ importanza naturali jkun hemm bżonn l-awtorizzazzjoni tas-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali jew ta’ l-Awtorità dwar l-Ambjent u r-Riżorsi – skond il-każ. Imma l-proposta tgħid ukoll li jekk il-Ministru kkonċernat jkun tal-opinjoni li dan l-iżvilupp jkun hemm bżonn urġenti għalih, mela mbagħad lanqas ma jkun hemm bżonn li tiġi nnotifikata l-Awtorità u għalhekk ma jkunx hemm bżonn lanqas l-iskrutinju ta’ l-Awtoritajiet l-oħrajn.
    Importanti li nsemmu wkoll li l-proċess tad-DNO ma jinkludix il-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika bħalma jsir f’tipi oħrajn ta’ applikazzjonijiet. Għalhekk il-pubbliku ser ikun imċaħħad milli jipparteċipa f’dan il-proċess għal dan it-tip ta’ żvilupp.
    Dan kollu jista’ jiftaħ lok għal abbuż. Wieħed għandu dejjem ikollu fiduċja fl-Awtoritajiet, u li dawn ser jaġixxu dejjem fl-aħjar interess taċ-ċittadin. Iżda l-esperjenza turi mod ieħor. Fl-2015 inbniet binja li sservi l-iskwadra marittima tal-Forzi Armati proprju fuq ix-Xatt ta’ Marsamxett, taħt is-swar tal-Belt Valletta. Din setgħet tinbena mingħajr applikazzjoni għall-iżvilupp proprju għaliex ftit xhur qabel inbidlu r-regolamenti tad-DNO biex żvilupp li jsir mill-Forzi Armati jitqies bħala permissibbli a priori. Illum nafu kif dan il-bini ħassar il-vista tal-Belt mill-baħar. Nafu kif dan l-iżvilupp sar mingħajr ebda apprezzament tal-kuntest ta’ madwaru. U nafu li dan seta’ jiġri proprji minħabba li nbiddlu r-regolamenti li semmejt.
    Filwaqt li kulħadd jaqbel li kemm jista’ jkun il-proċessi ta’ l-ippjanar għandhom jiġu ssimplifikati, dan ma għandu qatt isir a skapitu tal-ħarsien ta’ l-ambjent, tal-wirt storiku, u tal-kwalita’ tal-ħajja tagħna lkoll. L-għan ewlieni ta’ kwalunkwe proċess ta’ l-ippjanar għandu jkun il-ħolqien ta’ ambjent urban u rurali ta’ kwalita’ aħjar. Il-benefiċċjarju ewlieni m’għandux ikun l-iżviluppatur, iżda ċ-ċittadin. B’mod partikolari meta l-proġett qiegħed jiġi propost mill-Gvern jew minn entità governattiva, u li allura għalih qegħdin jintużaw fondi pubbliċi.
    Matul l-aħħar ġimgħat kien hemm min esprima l-opinjoni tiegħu fuq dawn ir-regolamenti ġodda, fosthom il-Kamra tal-Periti u diversi ġurnalisti, u kollha kellhom l-istess tħassib – li dan it-tibdil jista’ jwassal biex isir żvilupp li ma jkunx konformi mar-regolamenti tal-ippjanar u li jistgħu saħansitra jgħarrqu l-ambjent ta’ madwarhom. Nispera li l-leġiżlatur jagħti widen għal dan it-tħassib. Nistennew u naraw.