Elezzjoni 24 ta’ Mejju: Sitta x’jistgħu jagħmlu

    Bil‑vot tagħna fl‑24 ta’ Mejju se ntellgħu sitt MEP's li jpoġġu f’Parlament ta’ 751 MEP. Id‑domanda loġika li jistaqsu ħafna tkun: sitta x’jistgħu jagħmlu fost 751?
    Ir‑risposta ta’ spiss mgħaġġla ma tħallix dubbji: xejn. Sitta ma jistax ikollhom influwenza fuq deċiżjonijiet li jittieħdu minn Parlament ta’ 751 MEP.
    Din ir‑risposta hija qarrieqa u l‑frott ta' misinformazzjoni anke għax hi bbażata fuq numru ta’ prezunzjonjiet u malformazzjonijiet kulturali li jaffettwaw lilna f’din il‑gżira.
    Nibdew mill‑prezunzjonijiet.
    1. L‑ewwel prezunzjoni hija li l‑parlament jiddeċiedi permezz ta' 751 MEP. Dan mhux il‑każ. Ta’ spiss, il‑pożizzjoni tal‑Parlament Ewropew tiġi ffurmata fil‑kumitati tekniċi, li jittrattaw oqsma mill‑immigrazzjoni, sal‑ambjent u l‑konsumatur, u fejn l‑MEPs jivvutaw fi gruppi zgħar, ta' spiss bi 30 deputat. Hemmhekk vot jgħaddi b’20 deputat. Li tikkonvinċi 751 deputat hija, verament, opra impossibbli għal 6 deputati, iżda li tikkonvinċi 20 mhijiex.
    2. It‑tieni prezunzjoni hija li d‑deċiżjonijiet jittieħdu f'maġġoranza a la Maltija, min hu ġewwa ġewwa u min hu barra barra. Dan mhux il‑każ fil‑Parlament Ewropew fejn il‑maggoranzi jinbnew skont l‑argumenti. Ma hemmx maġġoranza stabbilita fil‑Parlament Ewropew u allura li tinfluwenza vot favur idea partikolari mhux daqstant diffiċli jekk wieħed jagħmel argument konsistenti.
    3. It‑tielet prezunzjoni hija li l‑MEP ikun qiegħed jaħdem mal‑MEPs Maltin biss. Bħalissa l‑PL għandu 4 u l‑PN għandu 2, dawn waħedhom vera ma jistgħu jagħmlu xejn, iżda jekk jinnavigaw tajjeb fi ħdan il‑Grupp tal‑Soċjalisti Ewropej u l‑Grupp tal‑Popolari Ewropej dawn jistgħu jiksbu appoġġ ta' 195 MEP u 274 MEP rispettivament minn dawn l‑akbar żewg gruppi.
    Dawn il‑prezunzjonijiet jiżvijawna. U dan jista' jidher ċar meta wieħed jistudja ftit fid‑dettall il‑ħidma tal‑MEPs Maltin sa issa. Fl‑aħħar sena biss l‑MEPs Maltin fil‑Parlament Ewropew għamlu aktar minn 175 intervent permezz ta' emendi mressqa fil‑kumitati, diskorsi fil‑plenarja u rapporti fejn jirrappreżentaw il‑grupp politiku jew il‑kumitati settorjali.
    Huwa permezz tal‑attività u l‑ħidma kontinwa li MEP jista' jagħmel differenza. Sitta li jaħdmu jista' jkollhom influwenza aktar minn mija li ma jaħdmux. U din twassalna għall‑aktar prezunzjoni perikoluża li nistgħu nagħmlu f'din l‑elezzjoni ‑ li naħsbu li din l‑elezzjoni mhix daqstant importanti. Le, din hija l‑aktar elezzjoni importanti, għax fiha aħna nistgħu nassiguraw li jkollna sitt rappreżentanti li jikkonvinċu maġġoranza mill‑751 MEPs.

    Peter Agius
    Kap tal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta