Ejja nkunu attivi u mhux passivi!

    Il-ġimgħa ta’ qabel kont ħallejt tal-Qroqq b’togħma kemmxejn morra wara li kien hemm id-dibattitu tal-kapijiet tal-partiti ġewwa l-Universita. Togħma morra għall-fatt li numru ta’ studenti universitarji ma leħqux post fis-sala minħabba diversi fatturi, fosthom il-preżenza ta’ nies mhux midħla tal-Universita.

    Wara li ħadt mawra żgħira barra minn xtutna għal ftit jiem ta’ rilassament, erġajt mort ġewwa l-Universita’ ftit tal-jiem ilu u sibt campus ħaj u mimli attivita! Numru ta’ dibattiti żgħar relatati mal-elezzjoni ġenerali kienu qegħdin jiġu organizzati minn diversi għaqdiet studenteski, filwaqt li kienet għaddejja wkoll attivita’ mtella’ minn studenti Għawdxin, sabiex juru is-sbuħija u l-opportunitajiet li toffri din il-gżira. Grupp ieħor ta’ studenti organizza wkoll dik li saret magħrufa ma’ ħafna bħala il-‘Harlem Shake’, żifna li saret popolarissima madwar l-internet kollu, probabilment ħabba l-lat ta’ ġenn u umoriżmu li fiha. Ġew milqugħin ukoll ġewwa l-Universita’ il-kandidati independti għall-elezzjoni ġenerali, fejn Żaren tal-Ajkla spikka mal-istudenti fost l-għajjat u l-briju li qajjmu hekk kif kien qiegħed jisħaq il-proposti tiegħu. Fl-istess waqt bdew ukoll il-provi tal-famuż ‘Students’ Fest’, xow li jittella’ ta’ kull sena mill-KSU, fejn ‘il fuq minn 200 student jieħu sehem f’din il-produzzjoni li saret sinonima mal-ħajja universitarja.

    Dawn il-ftit avvenimenti li semmejt hawn fuq, kienu qegħdin iseħħu f’temp ta’ ftit jiem u siegħat, u kien tassew ta’ gost u pjaċir għalija nara dan l-attiviżmu jispikka fost il-komunita’ universtarja. Il-problema ta’ nuqqas t’interess minn naħa tal-istudenti hija ġlieda li bħala Kunsill ilna nħabbtu wiċċna magħha għal ammont ta’ snin. Ħafna student jiġu l-Universita għar-rutina tas-soltu, ġurnata ‘lectures’ u lura d-dar. Pero hemm ħafna aktar x’wieħed jista’ jagħmel waqt is-snin tiegħu ġewwa l-Universita. Irridu naraw dejjem aktar studenti li jinvolvu rwieħhom f’attivitajiet extra-kurrikulari, attivitajiet li permezz tagħhom ikollna edukazzjoni aktar ħolistika u li tgħinek toħroġ mill-Universita’ ferm aħjar minn kif dħalt. Irrid nkunu studenti u żgħazagħ attivi, li nieħdu inizzjattiva u nkunu l-mutur tas-soċjeta’ tal-futur. Ma nistgħux nistennew il-bajtra taqa’ f’ħalqna iżda rridu nfittxu u naħtfu kull opportunita’ li tiġa quddiemna. Għalhekk l-attiviżmu studentesk huwa importanti ħafna u huwa magħruf madwar id-dinja kollha għat-tibdiliet kbar li jġib miegħu. Biss biss kif nafu sew, it-taqlib sħiħ li rajna fl-Afrika ta’ Fuq kien riżultat ta’ protesti studenteski fit-Tuneżija. Is-saħħa li kellu dan l-avveniment huwa issa parti mill-istorja tad-demokrazija moderna, hekk kif rajna reġimi kbar, bħal dak ta’ Gaddafi, jispiċċaw fix-xejn.

    Għal grazzja t’Alla aħna l-istudenti Maltin ma tantx għandna x’ingergu u nipprotestaw fuqu, għaliex kif jgħid l-Ingliż, ‘we’ve got it good’. Pero nistgħu nkunu attivi fuq ħafna aspetti oħrajn fil-ħajja tagħna, ibda mill-involviment f’xi għaqda studenteska u spiċċa minn sempliċi tgħin lil dik ix-xwejħa ta’ ħdejk taqsam it-triq. Ejja nkunu aħna l-ewwel nies li nagħtu eżempju u nkunu vera denji ta’ studenti eżemplari li fuqna għandha tiġi bbażata is-soċjeta’ Maltija tal-futur .

    Mario Cachia
    President, Kunsill Studenti Universitarji