Ejja nħaffu l-pass biex il-fondi Ewropej jaslu fil-ħin

    John Thys/Pool via REUTERS

    Hemm €327 miljun f’fondi Ewropej apposta biex Malta toħroġ mill-impatt tal-pandemija tal-coronavirus. L-Unjoni Ewropea ddedikat baġit apposta għal dan il-għan, bil-ħsieb li tistimula l-ekonomija u nsalvaw l-impjiegi li jinsabu taħt theddida minħabba t-telf ta’ negozju bil-pandemija.

    Iżda biex nużawhom tajjeb, dawn il-flus jeħtieġ jibdew jinħassu fl-ekonomija immedjatament. Malta damet biex titħarrek fuq l-għajnuna li nistgħu nagħtu lis-setturi. L-Italja pereżempju ilhom li ħallsu lill-industriji biex jgħinuhom iżommu l-impjiegi.

    Irridu nħaffu l-pass. Ejja naħdmu bilgħaqal biex nużaw dawn il-fondi minnufih. Tkellimt ma’ ħafna nies fin-negozju, li qegħdin f’xifer il-falliment jew viċin li jkeċċu n-nies. Jekk naħlu wisq ħin biex noħorġu applikazzjonijiet se jkun tard wisq.

    Nappella lill-Gvern biex iniedi l-proċess ta’ programmar u tqassim tal-fondi Ewropej marbuta mal-COVID-19 diġà matul dawn ix-xhur tas-sajf b’mod li jistgħu joħorġu l-applikazzjonijiet u jibdew il-proġetti sax-xitwa.

    Naf li f’dawn ix-xhur għandna tradizzjoni li bosta ħaddiema ta’ awtoritajiet pubbliċi jieqfu mix-xogħol f’nofsinhar, iżda fiċ-ċirkostanzi jeħtieġ naraw li Malta tkun lesta biex timplimenta l-fondi Ewropej sal-ħarifa ta’ din is-sena stess.

    Dr Peter Agius, kandidat Elezzjoni Ewropea u espert Ewropew