“Dublett, kummidjant”

    Kont qed intella’ u nniżżel x’se nikteb… ftaħt it-tablet u fuq l-iskrin mill-ewwel telgħu r-risposti għall-posts li kont tellajt fil-Facebook ftit tal-ħin qabel. Hemm kienu l-istess individwi tas-soltu jattakkaw il-persuna minflok l-argument… ‘Kummidjant’, ‘Dublett’.
    Ġurnata minnhom kont dabbart 23 aġġettiv dispreġġjattiv fuq post li kont tellajt fil-midja soċjali. Nifhem li bħala persuna għandi dritt nesprimi fehmti u bħala rappreżentant tal-poplu fl-Oppożizzjoni assoċjat mal-Partit Demokratiku, ħidmieti hi li niskrutinizza l-ħidma tal-Gvern b’mod oġġettiv u b’hekk inservi lil Malta Repubblika u d-demokrazija rappreżentattiva li nħaddnu. Dan qed nagħmlu.
    Qegħdin fi żmien fejn biex tesprimi l-verità mingħajr biża’ jrid ikollok kuraġġ. Malajr itapptpuhielek. Għax la tkun qed tolqot fil-laħam il-ħaj u dak li tkun qed tagħmel ikun qed idejjaq ċertu rjus kbar, tispiċċa tiġi mżeblaħ u forsi wkoll mhedded. It-tir hu li jċajprulek ġieħek billi jwaqqgħuk għaż-żufjett u jemarġinawk. Jippruvaw jaffettwawk psikoloġikament biex ma tkunx effettiv f’ħidmietek u tispiċċa taqta’ qalbek.
    Hekk jagħmlu meta ma jkunux qed isibu tarfek. Meta wieħed ikun mexa b’mod rett u b’sens ċiviku f’ħajtu, tant li ma jsibulux għemil skorrett, hu jispiċċa ttimbrat bħala għadu. Jispiċċaw anke jinqdew b’kulħadd anke b’istituzzjonijiet tal-pajjiż biex isibu tarf.
    Qegħdin fi żmien fejn ‘l hemm mill-vjolenza fiżika, il-vjolenza morali ħadet żvolta oħra u min hu responsabbli bħala mexxej mhux qed jikkundannaha, anzi jista’ jkun li qed isostnuha minn taħt. Il-kontenut taċ-chat groups b’kummenti ta’ odju li nkixfu dan l-aħħar li jippartjenu lil Partit Laburista u l-indikazzjoni ta’ numru ta’ fake profiles partiġġjanati PL u PN huma ta’ tħassib. Hemm ħaga oħra li lesti biex jagħmlu. Jiħħekkjaw il-Facebook, bħalma diġà għamlu anke lili, minbarra li jivvintaw minn żniedhom fuq il-ħajja privata ta’ dak li jkun. Hi ħaġa tal-iskantament kif ħadd mill-mexxejja ta’ dawn il-partiti qatt ma kkundanna dan l-għemil.
    Ftit qabel ma qbadt it-tablet kont għadni kemm ħallejt ktejjeb jismu ‘The Little Great Book of Great Women’ u paragrafu, jew cioè kwotazzjoni ta’ Hillary Clinton laqtitni ferm. ‘Hemm ħtieġa li nsaqsu lill-mexxejja tagħna… Intom kapaċi teliminaw il-politika tal-firda, tal-uċuħ u ta’ tpattija, u minflok tħeġġu l-poplu jingħaqad flimkien?’ Għax ejja ngħiduha kif inhi, ‘tmexxija matura tfejjaq il-polarizzazzjoni politika u qatt ma tieħu vantaġġ tas-sitwazzjoni għal raġunijiet personali jew politiċi.’ Meta qrajt din il-kwotazzjoni kienet telgħatli għoqda fi griżmejja u kont tlaqt il-ktieb biex ma noqgħodx inberren.
    F’ Malta hekk ġara. Qegħdin f’sitwazzjoni fejn il-Prim Ministru, Dr Joseph Muscat sfrutta s-sitwazzjoni tal-polarizzazzjoni politika li taħkem pajjiżna, żied aktar id-doża u beda jgħatti xtur ċertu individwi, meta jkun hemm għemil skorrett fil-governanza billi proġetta politika tal-perċezzjoni. Pinġa lilu innifsu bħala ottimist u li bħal kulħadd jiżbalja (minkejja l-pariri li jkollu) u għalhekk mhux perfett, filwaqt li ta l-ħabel lill-magna propogandistika tal-partit. Dan tagħmlu billi tkun selettiva fl-aħbar, twassal nofs verità jew iddawwar l-aħbar skont kif jaqbel, filwaqt li tħaddem l-ideoloġija li min mhux magħna hu kontra tagħna, u tgħoddu b’miskin.
    Nazzarda ngħid li wasalna f’punt, fejn l-OPM u l-partit huma uffiċċju amministrattiv wieħed u minn barra d-direzzjoni eżekuttiv, hemm klikka b’saħħitha li tmexxi minn taħt. Għax ejja ngħiduha kif inhi, spiċċajna b’sistema mnawra: fejn il-ġustizzja mhux dejjem tinżamm, fejn dak li hu sew mhux dejjem jirrenja, fejn il-ġid komuni hu mhedded, fejn il-karatteristiċi li jagħtu ħajja lil pajjiżna qed jinqerdu, fejn l-amministrazzjoni pubblika hi dgħajfa u servili lil politiku, fejn il-fondi pubbliċi mhux dejjem jintefqu sew, fejn id-diskriminazzjoni tinħass sew bis-sehem ta’ politika partiġġjana, u fejn id-dritt ta’ persuna sar favur u tinqeda biss skont lil min taf. Qegħdin ngħixu fi żmien fejn il-ġurnalista Daphne, tħobbha jew togħbodha, inqatlet f’mument kritiku meta spiċċat iżolata, u l-mexxejja politiċi tal-partiti l-kbar ma ħadux responsabbiltà politika ta’ mewtha. Din hi Malta tagħna lkoll u l-kuntrumbajsi li seħħew.
    Din hi t-tip ta’ vjolenza li qed issir fuq l-intelligenza tagħna u żewġ ġganti tal-politika Maltija qed jisfruttaw il-mezzi tal-midja soċjali u dik tal-media houses tagħhom, biex isaħħnu l-qiegħa tal-polarizzazzjoni. Jidher li fiċ-ċirkostanzi li qegħdin fihom  jaqbel li f’pajjiżna ssaltan il-firda.
    Insaqsi: Fejn ħarbet il-politika tal-konvinzjoni? Fejn hi l-umiltà fil-politika?
    Il-PL ta’ Dr Muscat u l-PN ta’ Dr Delia huma sħab f’din id-direzzjoni, għax it-tnejn iridu pajjiż mifrud b’politika partiġġjana. Infakkar, li ż-żejt ikompli jitla’ f’wiċċ l-ilma u l-maskli jinkixfu.