Drive-In cinema flok raba’ verġni?

    Drive-in cinema zvilupp

    Kemm ħassejtni diżappuntat u anke demoralizzat meta qrajt li fir-raba’ ta’ ħdejn Torri Mamo u l-Knisja ta’ San Gejtanu fil-konfini ta’ Wied il-Għajn qed jiġi propost żvilupp li huwa nsult lejn ir-residenti ta’ din il-lokalità kif ukoll lejn ir-residenti taż-Żejtun li r-raħal tagħhom għandu rabtiet storiċi ma’ dawn l-inħawi. Lanqas jitwemmen li qed jiġi propost li neqirdu raba’ verġni biex minfloku nibnu drive-in cinema!

    Meta naqra aħbar kerha bħal din bilfors li nistaqsi f’liema livell waqajna f’dan il-pajjiż. Allura, f’Malta ġejna f’sitwazzjoni fejn m’aħniex aħjar minn slavaġ u barbari li m’għandhom l-ebda apprezzament tal-patrimonju naturali, arkitettoniku, storiku u kulturali tagħhom? – Il-partiti politiċi meta se jibdew bis-serjetà jwaqqfu l-ħniżrijiet li qed isiru mill-iżviluppaturi għad-dannu tal-ambjent ta’ pajjiżna?

    Qed ngħid dan għaliex anke s-sempliċi fatt li xi ħadd iħossu komdu li jippreżenta proposta mostruża bħal din juri kif il-protezzjoni tal-ambjent qed tiġi mkasbra u redikolata minn ċerti żviluppaturi. Mela ż-żoni rurali u l-art agrikola llum saru żejda? – Meta se jkollna politiċi serji li jgħaddu leġiżlazzjoni b’saħħitha u verament jimplimentaw policies favur l-ambjent?

    X’garanzija għandna li jekk dan il-permess joħroġ, ma jkunx il-preċedent biex din iż-żona kollha ssir waħda ta’ żvilupp u addio l-art agrikola li hemm? – Hawnhekk, nixtieq ngħid prosit lill-NGO “Wirt iż-Żejtun” li hija minn ta’ quddiem fil-ġlieda kontra l-propost żvilupp. Nittama wkoll li l-Kunsilli Lokali ta’ Wied il-Għajn u ż-Żejtun jagħmlu kampanja kontra dak li qed jiġi propost li jsir.

    Il-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni għad iżebilħuna ħafna għall-ħsara li qed nippermettu li ssir lill-ambjent ta’ pajjiżna!